Lokali

Jappellaw lill-Gvern biex ikompli jgħinhom fil-pagi sa Awwissu

Il-qliegħ mhux ser ikun biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż

“Hemm bżonn li l-Gvern jestendi l-għajnuna finanzjarja fil-pagi minimament sa Awwissu”.

Dan sostnewh l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Ikel b’reazzjoni għall-aħbar li r-ristoranti ser ikunu jistgħu jiftħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku mill-ġdid minn nhar il-Ġimgħa.

Filwaqt li l-assoċjazzjoni ferħet b’din id-deċiżjoni hija konxja bid-diffikultajiet qawwija li s-sidien tal-ħwienet ser ikunu qed jaffaċċjaw.

Fost l-aktar affarijiet li qed jinkwetawhom huma żgur l-ispejjeż li stabbilimenti bħal dawn ikollhom joħorġu ta’ kuljum b’mod partikolari l-kirja tal-post. Ġie spjegat li wara dan il-perjodu ta’ xahrejn magħluqin, is-sidien tal-kera naqsu l-ammont stipulat tal-ħlas, madanakollu issa li kollox miexi lura lejn in-norma, dawn ser ikunu qed jiġu jitolbu flushom bi sħiħ.

Fid-dawl li l-livell ta’ konsum fil-bidu mhux ser ikun bħal ma kien qabel feġġ il-virus f’pajjiżna, konsegwentament l-assoċjazzjoni saħqet li d-dħul żgur mhux ser ikun qed ikopri l-ħlas tal-pagi, l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-permessi meħtieġa mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.

Għaldaqstant talbu lill-Gvern sabiex l-għajnuna tiegħu tissokta għal xahrejn wara x-xahar ta’ Ġunju.