Fl-aħħar ġimgħat, l-awtoritajiet ħabbru li tkompla l-ittestjar fiż-żona tas-Salib tal-Għolja bil-għan li titkompla r-riċerka wara studju tekniku li sar fuq is-sit sena ilu. L-istudju tekniku kien sar fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali tas-Siggiewi, meta kien mmexxi mill-Partit Nazzjonalista.
Il-kunsill lokali kien ssuġerixxa lill-Kurja li jsir studju minn espert li mbgħad wassal għal rapport b’informazzjoni utli li tigwida aktar ttestjar u mizuri li huma meħtieġa biex jiġi salvat is-sit.
Il-minority leader fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit spjegat ma’ Net News illi l-kunsill mmexxi minnha kien ha inizjattiva biex iż-żona tas-Salib tal-Għolja tiġi salvata u tingħata d-dinjitá li tixirqilha. Hi qalet li wara laqgħat mal-Kurja u esperti fil-ġeoloġija kienet ressqet l-proposta biex l-Kunsill u l-Kurja jinvestu fi studju tekniku dwar l-pedamenti tas-sit. L-istudju kien bżonnjuż ukoll biex jigwida ttestjar u xogħol ieħor li huwa meħtieġ biex tiġi salvata l-kappella storika tal-Lunzjata ….u partijiet oħra li kellhom jingħalqu għall-pubbliku minħabba l-periklu li jiġġarfu.
Wara li kien ġie preżentat r-rapport mill-istudju f’April tal-2019, l-awtoritajiet kienu wegħdu li jinvestu f’din iż-żona.
Alessia Psaila Zammit laqgħet b’sodisfazzjon l-inizjattiva mħabbra ftit tal-ġimgħat ilu li l-awtoritajiet kienu qed ikomplu bl-ittestjar. Hi qalet li ż-żona tas-Salib tal-Għolja hi wirt storiku mhux biss tas-Siġġiewi imma ta’ Malta kollha ….u jixraq li tkun protetta u salvata għat-tgawdija tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.
//= $special ?>