Sport

Jum speċjali għall-ġurnalist sportiv veteran Mario Meli, illum jagħlaq 80 sena

L-Għaqda Ġurnalisti Sports tingħaqad mal-komunità sportiva lokali biex tagħti l-awguri lill-ġurnalist sportiv veteran Mario Meli f’għeluq it-80 sena tiegħu. Lura fi Frar tal-1962, Mario Meli ngħaqad mar-Redifussion, illum il-Public Broadcasting Services u rtira fl-2016. Fl-ewwel snin tal-karriera twilu tiegħu, kien jassisti imbagħad jippreżenta diversi programmi sportivi fuq l-istazzjon nazzjonali fosthom Sports Panorama. Għal diversi snin kien jikkumenta l-partiti tat-tim nazzjonali Malti tal-futbol fuq TVM. Fost il-kummentarji jispikkaw ir-rebħa barra minn darna kontra l-Estonja 1-0 u d-draw ta’ 1-1 kontra l-Ungerija f’Budapest.

Mario Meli kellu l-opportunità li jintervista personalitajiet kbar fix-xena sportiva fosthom l-Eks Presidenti tal-FIFA Joao Havelange u Sepp Blatter, l-Eks President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Antonio Samaranch, l-Eks President tal-UEFA Lennart Johansson u Sebastian Coe, Stanley Matthews, Bobby Moore, Pele u Franz Beckenbauer fost l-oħrajn.

Mario Meli flimkien mal-ġurnalisti veterani Charles Camenzuli u Wilfred Sultana

Meli rrapporta wkoll diversi avvenimenti internazzjonali f’isem il-PBS bħat-Tazza tad-Dinja, il-Logħob tal-Commonwealth, il-Logħob tal-Mediterran, il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar u diversi Kampjonati tad-Dinja oħra. Minbarra s-servizz regolari lill-PBS, Meli kien kontributur regolari fil-gazzetta Sport li kienet tkun ippubblikata fis-snin 60 u 70 kif ukoll f’In-Nazzjon. Dan minbarra numru ta’ pubblikazzjonijiet sportivi. Meta kien għadu żagħżugħ, kellu r-rekords nazzjonali fit-800 metru u l-1,500 metru minbarra bħala kowċ tal-futbol, l-għawm u l-atletika.

Mario Meli hu wieħed mill-fundaturi tal-Għaqda Kittieba Sport fl-1970

Mario Meli kien attiv ukoll fuq in-naħa amministrattiva tal-isport. Hu kien wieħed mill-fundaturi tal-Għaqda Kittieba Sports (illum Għaqda Ġurnalisti Sports) fl-1970 u dam fil-kumitat għal diversi snin. Hu kien ukoll fil-kumitati tal-Malta Billiards and Snooker Association, il-Malta Table Tennis Association, il-Malta Amateur Athletic Association u ħames snin fl-Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti taħt it-tmexxija tal-Imħallef Gino Camilleri.

Dan minbarra li kien President għal seba’ snin tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu fejn fosthom introduċa t-Tour ta’ Malta li għadu jsir sal-lum. Meli kien ukoll President ta’ Gymstars Gymnastics Club, Chairman tal-Malta Employees Sport Association u Chairman ta’ Special Olympics. Hu għadu attiv fl-amministrazzjoni tal-futbol lokali hekk kif ilu għal dawn l-aħħar 20 sena bħala membru tal-Kunsill tal-MFA kif ukoll President ta’ Masters Football Malta, assoċjazzjoni li ħoloq hu fl-2013.

Mario Meli hu l-fundatur ta’ Masters Football Malta