Lokali

Karl Stagno Navarra jinfexx jattakka lill-Istitut tal-Ġurnalisti għax ma qabiżx għalih

L-IĠM jgħid li Stagno Navarra hu preżentatur u mhux ġurnalist

Il-preżentatur tal-media Laburista Karl Stagno Navarra infexx f’attakk fuq l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) għax ma qabiżx għalih fl-attakk kontra Membru Parlamentari.

Waqt l-edizzjoni tal-bieraħ tal-programm tiegħu fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Laburista, Stagno Navarra kompla bl-attakk kontra d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina. Kien hawn li qal li għamel rapport mal-IĠM għat-tweġiba tad-Deputat Nazzjonalista.

Madankollu, l-IĠM wieġeb lil Stagno Navarra li ma jistax jipproteġih ladarba hu mhux ġurnalist, iżda preżentatur. Ingħad li l-Kunsill tal-IĠM dar il-kontenut li Stagno Navarra għadda fir-rapport tiegħu u “l-allegazzjonijiet għandhom jarawhom l-awtoritajiet kompetenti billi int tippreżenta il-programm tiegħek u mhux ġurnalist fi newsroom”.

Għal dan il-kumment, hu ħareġ qatta bla ħabel kontra l-Istitut tal-Ġurnalisti, fejn ħoloq dubji dwar il-kredibbiltà tal-membri tal-Kunsill, filwaqt li qal li “niddikjara li m’għandix x’nambihom”.

L-attakk ta’ Stagno Navarra għandu l-barka tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, li l-Ħadda li għadda rrepeta l-attakk tal-preżentatur tiegħu. Fil-jiem li għaddew, Stagno Navarra ddeskriva lilu nnifsu bħala “mostru li ħoloq il-Partit Nazzjonalista”, filwaqt li hedded lin-Nazzjonalisti li “ġej għalikom”.