Coronavirus Internazzjonali

L-Iżvezja: L-imwiet fost l-anzjani u nies vulnerabbli jispiċċaw ‘taħt skrutinju’

Ir-residenti fid-djar għall-anzjani u persuni vulnerabbli qed jammontaw għal kważi nofs il-vittmi relatati mal-pandemija tal-Covid-19 f’dan il-pajjiż.

Intant, xi ħaddiema mas-servizzi lokali għall-kura tas-saħħa jemmnu li nuqqas ta’ impenn, ‘fuq bażi istituzzjonalizzata’, biex jiddaħħlu l-pazjenti l-isptar qed jissarraf f’telf ta’ ħajja.

Ħafna fost it-3,700 ( jew aktar) li mietu mill-coronavirus fl-Iżvezja kellhom ‘il fuq minn 70 sena, minkejja li l-awtoritjiet fil-pajjiż qalu li qegħdin jagħtu l-priorità lill-miżuri li għandhom jipproteġu lill-aktar persuni vulnerabbli. L-Iżvezja, fejn qed jgħixu 10 miljun abitant, insistiet – aktar minn pajjiżi oħra tal-Ewropa – biex iżżomm is-soċjetà miftuħa, minkejja l-periklu ta’ infezzjonijiet mill-Covid-19.

Intant, il-Prim Ministru Żvediż, Stefan Lofven, ftit jiem ilu, ammetta li ‘il-pajjiż, minkejja li kien qed jaħdem bl-aħjar intenzjonijiet, ma rnexxilux jipproteġi lil ħafna anzjani u lill-aktar nies vulnerabbli waqt l-eqqel tal-kriżi’.

Skont l-aħħar ċifri, kważi nofs l-imwiet fl-Iżvezja li huma relatati mal-Covid-19 kienu residenti ta’ djar għall-persuni anzjani jew vulnerabbli. Ċifri oħrajn, separati, urew li f’April mietu qrib l-10,500 fl-Iżvezja, b’dan ikun l-aktar xahar qattiel għal dan il-pajjiż Skandinav mill-1993.

Jerġa’ qabel, fl-1918, kienet irreġistrata ċifra ta’ mejtin storika fl-Iżvezja fi żmien l-eqqel tal-pandemija tal-Influwenza Spanjola.