Lokali

“Ngħinu n-negozji jsibu soluzzjonijiet prattiċi” – Adrian Delia

F’laqgħa li kellu mal-Kamra tal-Kummerċ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tagħti s-sehem tagħha biex jinstabu opportunitajiet miċ-ċirkostanzi li evolvew bil-pandemija, ħalli in-negozji tagħna jiskopru modi ġodda biex joperaw u jibqgħu sostenibbli.

Adrian Delia saħaq li l-Oppożizzjoni tibqa’ tinsisti dwar il-bżonn ta’ diskussjoni bejn il-partijiet kollha biex inkunu ċerti li nipproteġu dak li nbena sa issa, b’soluzzjonijiet prattiċi u li mhumiex maqtugħin mir-realtà ta’ madwarna.

Hu qal li se jinsisti biex il-pjattaformi li ħoloq il-Partit Nazzjonalista mal-oqsma u s-setturi kollha f’dawn l-aħħar ġimgħat jinżammu u jibqgħu jintużaw biex jibqa’ jkun hemm kjarezza bejn il-partijiet kollha dwar dawk li jkunu l-aktar kwestjonijiet importanti tal-mument.

Minn naħa tiegħu, David Xuereb, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ qal li bħala Kamra jilqgħu dejjem bi pjaċir l-istedina tal-Partit Nazzjonalista għal lagħat u diskussjonijiet, aktar w’aktar bħalissa li qed ngħixu żminiijiet bla preċedent.

Hu spjega kif il-Kamra tal-Kummerċ qegħda kawta hekk kif data xjentifika li wieħed jista’ jorbot fuqha f’dawn iċ-ċirkostanzi ma teżistix fil-pajjiż. Madankollu qal li bħala Kamra, qed iħarsu lejn pjan fit-tul…. u li sabiex jagħmlu dan, ingaġġaw 130 persuna minn oqsma differenti sabiex jitfassal pjan għan-negozji Maltin għax-xhur u s-snin li ġejjin.

Dan il-pjan se jkun qed jagħti priorità lil tlett fatturi importanti…. l-ekonomija tal-pajjiż, is-saħħa fiżika, u s-saħħa mentali tal-poplu… b’din tal-aħħar tingħata attenzjoni speċjali. It-tim li se jkun qed jagħmel dan l-eżerċizzju se jkun qed jiġbor informazzjoni u jfassal pjan ta’ azzjoni li jkun ħolistiku u li jkun imexxi bl-eżempju.

Jakkumpannjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm id-Deputati Claudio Grech u Kristy Debono filwaqt li mal-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Xuereb, attendew ukoll il-viċi President Marisa Xuereb, u d-Direttur Ġenerali Kevin J Borg.