Coronavirus Futbol Sport

Sitta pożittivi bil-Covid-19 mill-Premier League Ingliż

Il-Premier League kkonferma li rċieva sitt testijiet pożittivi ta’ coronavirus minn tliet klabbs wara l-ewwel fażi ta’ testijiet tal-massa. Total ta’ 748 test saru matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet u għadu mhux magħruf jekk hemm inklużi xi plejers, staff jew kombinazzjoni ta’ tnejn. Dawk li jinsabu pożittivi jridu jiżolaw għal ġimgħa u ma jistgħux jattendu ċ-ċentru ta’ taħriġ tal-klabb.

Il-klabbs u l-individwi ma ġewx imxandra mill-Premier League għal raġunijiet ta’ protezzjoni. Il-klabbs mistennija jieħdu sehem fit-tieni fażi ta’ testijiet aktar tard din il-ġimgħa. Il-klabbs tal-ogħla kampjonat Ingliż jistgħu jkomplu jitħarrġu fi gruppi żgħar filwaqt li jżommu d-distanza soċjali.

L-uffiċjali huma ottimisti li l-Premier League jkompli f’Ġunju, madwar tliet xhur minn meta l-futbol ġie sospiż minħabba l-pandemija. Il-Premier League ġie mwissi wkoll mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika fl-Ingilterra fejn qalet li s-sitwazzjoni mhux mistennija tinbidel bejn is-sitt xhur u s-sena li ġejja.