Lokali Saħħa

Tabiba Maltija magħżula bħala Direttur mal-WHO

Suċċess ieħor fil-qasam mediku għal pajjiżna meta tħabbar li Dr. Natasha Azzopardi Muscat, tabiba, lecturer fil-mediċina u President tal-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Saħħa Pubblika, ġiet magħżula bħal Direttur tal-Policies u s-Sistemi tas-Saħħa mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa fl-Ewropa(WHO).

Hija ħabbret dan f’post fuq Facebook li hija tellgħet fejn qalet li dan huwa kapitlu ġdid fil-ħajja professjonali tagħha. Tenniet li tinsab ħerqana ħafna biex taħdem ma’ Hans Kluge, mal-kollegi Ewropej tagħha u networks oħra Maltin u Ewropej f’dan iż-żmien ta’ kriżi minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Dr. Natasha Azzopardi Muscat tispeċjalliżża fil-mediċina tas-saħħa pubblika, u tgħallem fil-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fl-Università. Hija kisbet Dottorat fl-2016 mill-Università ta’ Maastricht, b’riċerka fuq l-Ewropeazziazzjoni fuq is-sistemi tas-saħħa, l-aktar fejn jidħlu pajjiż żgħar.

Ir-riċerka tagħha kienet ġiet rikonoxxuta mill-WHO, biex fl-2017, l-Università ta’ Malta, anke bis-saħħa tagħha, tqieset ċentru ta’ kollaborazzjoni għall-WHO fuq is-sistemi tas-saħħa u l-policies fil-pajjiżi ż-żgħar.

Bejn l-2001 u l-2013, Dr Azzopardi Muscat okkupat diversi karigi fil-Ministeru tas-Saħħa, fosthom ta’ Kap Mediku Eżekuttiv. Fill-preżent hija tokkupa l-kariga ta’ Konsulent tal-Mediċina tas-Saħħa Pubblika fid-Direttorat tal-Informazzjoni u r-Riċerka fuq is-Saħħa. Hija ilha President tal-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Saħħa Pubblika mill-2016.