Lokali

Tħassib dwar it-test tal-ilma li għandu jsir min-negozji

Bosta sidien ta’ negozji fosthom ristoranti u stilisti tax-xagħar spiċċaw konfużi dwar it-testijiet imħabbra fil-miżuri ta’ mitigazzjoni mħabbra t-Tnejn filgħaxija.

Tant hu hekk li d-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard ħarġet avviż dwar kif, bi preparamenti għall-ftuħ ta’ nhar il-Ġimgħa, in-negozji għandhom jimxu bil-għan li jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.

Ġie spjegat li bil-għan li s-sidien tan-negozji jipprevjentu r-riskju tal-infezzjonijiet li jiġu mill-ilma bħal fost oħrajn il-Leġjonella; dawk li għandhom il-provvista tal-ilma ġejja dirett mill-main tal-Gvern, huwa biżżejjed li jinfetħu l-viti kollha l-ilma għal ftit minuti. 

Dan filwaqt li jekk il-provvista tal-ilma ġejja mit-tank ta’ fuq il-bejt, din għandha titnaddaf u s-sistema tal-ilma għandha titħalla tgħaddi għall-ftit minuti. Ġie spjegat li huwa importanti li t-temperatura tat-tagħmir li jsaħħan l-ilma (water heater) tittella’ għal 60 grad Celcius u għalhekk ma jkunx hemm il-bżonn li tieħu kampjuni u tingħata l-approvazzjoni tad-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali. 

Madanakollu ġaladarba l-ħanut jagħmel parti minn kumpless jew lukanda u l-provvista tal-ilma ġejja mis-sistema tal-ilma tagħhom, dawn għandhom javżaw lill-Awtoritajiet sabiex jittieħdu l-kampjuni u jsiru t-testijiet meħtieġa.