Futbol Sport

TMIEN SNIN ILU: Chelsea jirbħu l-UEFA Champions League għall-ewwel darba

(Ritratt: EPA)

19 TA’ MEJJU 2012

Chelsea ħasdu lil Bayern Munich biex rebħu l-UEFA Champions League għall-ewwel darba. Huma rebħu 4-3 bl-għoti tal-penalties proprju fl-Allianz Arena, l-istadium tal-istess Bayern Munich.

L-akbar emozzjonijiet tal-logħba waslu lejn l-aħħar tal-ħin regolamentari. Bayern Munich marru fil-vantaġġ fit-83 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ THOMAS MÜLLER minn angolu ristrett. B’hekk hu sar l-ewwel plejer Ġermaniż li skorja waqt finali tal-kompetizzjoni minn żmien Stefan Effenberg fl-2001. Chelsea ġabu d-draw fit-88 minuta b’korner mil-lemin ta’ Juan Mata jsib lil DIDIER DROGBA li b’daqqa ta’ ras stupenda għeleb lil Manuel Neuer.

Il-logħba kompliet fil-ħin barrani, bit-tim ta’ Bayern Munich ikollu ċans tad-deheb li jerġa’ jmur fil-vantaġġ. Ir-referee Pedro Proenca ordna penalty għal fawl ta’ Franck Ribery fuq Drogba, iżda mill-11-il metru x-xutt ta’ Arjen Robben ġie salvat minn Petr Cech.

Fl-għoti tal-penalties, Mata falla għal Chelsea filwaqt li skorjaw David Luiz, Frank Lampard u Ashley Cole. Għal Bayern falla Ivica Olic u skorjaw Philipp Lahm, Mario Gomez u l-gowlkiper Manuel Neuer. Didier Drogba skorja l-penalty deċiżiv. B’hekk Chelsea saru l-ewwel klabb minn Londra li rebaħ il-kompetizzjoni.