20 TA’ MEJJU 2005
Birkirkara qasmu l-qlub ta’ Msida St. Joseph u rebħu l-FA Trophy għat-tielet darba fl-istorja tagħhom, f’dak li kien it-tielet suċċess f’erba’ snin. Minbarra li ċaħħdu lil Msida milli jirbħu l-ewwel unur maġġuri, bir-riżultat finali, Hibernians ikkwalifikaw għat-Tazza UEFA u Valletta daħlu fl-Intertoto.
Iż-żewġ naħat ta’ partitarji ħolqu briju f’logħba missielta sal-aħħar minuti. F’rapport tal-logħba fil-ħarġa ta’ In-Nazzjon tal-għada, ġie deskritt li min kien preżenti ma kienx iddiżappuntat.
Birkirkara fetħu l-iskor fit-52 minuta meta kross ta’ Mark Anthony Bonnici sab lil LINO GALEA li b’xutt minn tarf il-kaxxa għeleb lil Omar Borg. Żewġ minuti wara tkeċċa Johann Zammit iżda minkejja li b’raġel inqas, il-Misidjani ma qatgħux qalbhom.
Wara li Birkirkara fallew xi okkażjonijiet, Msida ġabu d-draw fit-83 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ MANUEL BONI. Iżda l-ferħa tal-Misidjani damet ftit sekonda għaliex minuta wara, George Mallia tefa’ kross lejn l-iżmarkat MICHAEL GALEA li minn quddiem il-lasti ma falliex.
Mat-tisfira finali tar-referee Marco Borg, bdew iċ-ċelebrazzjonijiet Karkariżi f’dik li potenzjalment kienet l-aktar era ta’ suċċess tal-klabb. Il-President tal-MFA Joe Mifsud ippreżenta t-trofew lill-captain ta’ Birkirkara Michael Galea.
//= $special ?>