Coronavirus Lokali Saħħa

AĠĠORNATA: “Pajjiżna għadu fi stat ta’ emerġenza medika”; 15-il każ ġdid ta’ Covid-19

Fost il-każijiet tal-aħħar jumejn hemm żewġ t'itfal ta' sentejn

Fl-aħħar 24 siegħa saru 1,670 test u minnhom irriżultaw 15-il każ ġdid ta’ Coronavirus f’pajjiżna. Il-każijiet attivi issa telgħu għal 113.

Fl-aħħar jumejn instabu 26 każ pożittiv. It-total ta’ każijiet f’Malta issa tela’ għal 584.

Il-każijiet li fl-aħħar jumejn kellhom is-sintomi:

  • Żewġt itfal ta’ sentejn.
  • Student Malti ta’ 15-il sena.
  • Għawdxi ta’ 56 sena li jaħdem bħala healthcare worker fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u qed isir contact tracing mal-pazjenti.
  • Mara Maltija ta’ 22 sena li ma kinitx esposta għall-kollegi tagħha.
  • Malti ta’ 33 sena li kien qed jaħdem f’uffiċċju waħdu.
  • Mara Maltija ta’ 59 sena li ma taħdimx.
  • Anzjan ta’ 67 sena.
  • Anzjan ta’ 72 sena u qed isir contact tracing tal-familja.
  • Anzjana ta’ 82 sena residenti fi djar tal-anzjani din kellha qtugħ ta’ nifs u ddaħħlet l-Isptar.

Il-każijiet fl-aħħar jumejn ta’ persuni li ma kellhomx sintomi huma dawn:

  • Mara mill-Pakistan, Healthcare worker li taħdem f’Mater Dei
  • Mara mill-Fillipini, li hija wkoll Healthcare worker
  • Maltija, 63, marret Mater Dei għal trattament, u inqabdet mit-testijiet li jsiru qabel tidħol l-isptar.
  • Maltija ta’ 24 sena, Healthcare worker.
  • Malti, li għażel li jagħmel test, huwa waqaf milli jmur ix-xogħol
  • Malti ta’ 34, waqaf milli jmur ix-xogħol
  • Żagħżugħ ta’ 19-il sena li daħal l-emerġenza għal kundizzjoni oħra, u rriżulta pożittiv
  • Fillipina li taħdem f’ħanut, hi kienet qed tilbes maskra.
  • Raġel carer li jaħdem f’Dar tal-Anzjani
  • Żagħżugħ ta’ 24 sena

Kienu ħamsa l-persuni li kienu f’kuntatti ma’ persuni li ħarġu pożittivi qabel:

  • Maltija li hija healthcare worker f’ward fejn kien hemm numru ta’ każijiet.
  • Anzjan ta’ 68 sena li kien pazjent f’sala fejn kien hemm numru ta’ każijiet. Hu kien fieq mill-kundizzjoni li kellu u mbagħad kellu bżonn jerġa’ jidħol l-isptar u minn hemm instab pożittiv.
  • Malti ta’ 30 sena li kien kuntatt ta’ każ ieħor pożittiv u kien diġà fuq kwarantina.
  • Indjana ta’ 27 sena li taħdem bħala healthcare worker fl-Isptar Karin Grech fejn instab pazjent pożittiv.
  • Raġel ta’ 35 sena li ma kellu l-ebda sintomi imma kien kuntatt ta’ persuna oħra fuq il-post tax-xogħol tiegħu.

“Malta trid tibqa’ f’dan l-istadju ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika” – dikjarazzjoni ċara mis-Supritendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci waqt il-bulettin mediku dwar is-sitwazzjoni ta’ COVID-19 f’pajjiżna, fejn b’mod mill-aktar ċar hi spjegat li l-virus għadu fil-komunità. Dan hekk kif iż-żieda ta’ 15-il każ li tħabbru llum hija l-akbar żieda li ġiet reġistrata f’pajjiżna f’dawn l-aħħar 40 jum.

Il-Professur Charmaine Gauci kkonfermat li l-R Factor tela’ għal iktar minn wieħed; fi kliem sempliċi, it-trażmissjoni tal-marda minn persuna għall-oħra qed tiżdied.

Charmaine Gauci insistiet li jekk is-sitwazzjoni f’pajjiżna tkompli tiggrava, mhux eskluż li ċerti miżuri jitreġġgħu lura. Dan b’kuntrast għal dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela fl-aħħar jiem, meta stqarr li mhux se joqgħod jiftaħ u jagħlaq. 

Intant, l-Awtoritajiet tas-saħħa qed jibqgħu jevitaw li jippubblikaw ir-risk assesement li semma l-Prim Ministru waqt il-konferenza li saret it-Tnejn filgħaxija.

Preżentament, ħafna mill-kazijiet li qed ikunu konfermati pożittivi għall-Covid-19 huma healthcare workers, u każijiet ta’ persuni li ma kellhomx sintomi. Fost il-każijiet ġodda kien hemm żewġt itfal ta’ sentejn kif ukoll mara li taħdem f’ħanut…u li skont il-Professur Gauci, il-kuntatt tagħha man-nies kien wieħed minimu.

Is-Supritendent tas-Saħħa pubblika kkonfermat li għalissa mhux se jinfetħu c-childcare centres u lanqas skola sajf.

Madwdar 300 ħaddiem fl-Isptar Mater Dei bħalissa jinsabu fi kwarantina minħabba li dawn ġew f’kuntatt mad-diversi każi pożittivi li kellna fl-Isptar f’dawn l-aħħar jiem.