Lokali

Adrian Delia jiddiskuti r-riforma Kostituzzjonali flimkien ma’ Repubblika u CSN

Il-proposti tal-PN se jsaħħu l-Kostituzzjoni biex qatt iżjed ma jkun hawn Gvern li jaħtaf l-istituzzjonijiet

L-Oppożizzjoni qed tressaq il-proposti tagħha għar-riforma Kostituzzjonali biex il-Kostituzzjoni tkun it-tarka tan-nies mill-abbużi tal-Gvern, sabiex jitnaqqsu l-poteri żejda f’idejn il-Prim Ministru, jiżdiedu d-drittijiet taċ-ċittadini u jissaħħu l-istituzzjonijiet biex qatt iżjed ma jerġgħu jinħatfu mill-Gvern. Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt laqgħat separati li saru ma’ Repubblika u Civili Society Network fejn ġew diskussi l-proposti għar-riforma Kostituzzjonali li l-Oppożizzjoni ppubblikat aktar kmieni din il-ġimgħa.

Mar-rappreżentanti ta’ Repubblika, Dr Delia qal li l-proposti tal-Oppożizzjoni għandhom firxa wiesa’ u ma jinkludux biss ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja iżda wkoll proposti iktar wiesa’ għat-tisħiħ tad-demokrazija fil-pajjiż. Huwa spjega kif wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, l-Oppożizzjoni minnufih talbet għar-riżenji, tinġarr ir-responsabbilità politika u insistiet sabiex f’sitt xhur isiru t-tibdiliet leġislattivi meħtieġa. L-Oppożizzjoni talbet ukoll li fi 18-il xahar jibdew u jintemmu t-tibdiliet Kostituzzjonali li kien hemm bżonn biex tiġi mħarsa u msaħħa s-saltna tad-dritt f’pajjiżna. L-Oppożizzjoni tat l-appoġġ tagħha għall-ħatra tal-President imma pproponiet wkoll li din il-ħatra u ħatriet oħrajn għandhom jibdew isiru bi qbil taż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti. L-Oppożizzjoni reġgħet għamlet l-istess proposta u aġixxiet b’responsabbilità kbira dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef.

Adrian Delia qal li matul dawn l-aħħar snin għexna l-esperjenza fejn il-Gvern abbuża mill-liġijiet preżenti biex jaħtaf il-poter. Dan mhux aċċettabbli f’demokrazija b’saħħitha u l-proposti tal-Oppożizzjoni jassiguraw li dan kollu ma jerġax iseħħ. Huwa spjega li l-Oppożizzjoni kienet lesta li tiddiskuti l-proposti fl-isteering committee mmexxi mill-President iżda l-Gvern mingħajr ebda konsultazzjoni, u mingħajr ma avża lill-President stess, qabad u ppubblika l-proposti tiegħu. Dan kien sinjal ħażin ħafna li ntbagħat lill-Kummissjoni Venezja u li jikkonferma kemm il-Gvern ma jridx li l-affarijiet jibdew jsiru b’mod differenti minn qabel. F’dawn l-aħħar xhur, it-tliet membri tal-Oppożizzjoni Chris Said, Tonio Borg u Amy Camilleri kienu qed jipparteċipaw b’mod sħiħ u attiv fid-diskussjonijiet kollha li saru fl-isteering committee.

L-Oppożizzjoni trodd ħajr lis-soċjeta’ ċivili li laqgħet l-istedina għal dawn il-laqgħat, lejliet li l-Oppożizzjoni se tiltaqa’ mal-Kummissjoni Venezja sabiex hija tagħti l-kontribut tagħha għal riforma mill-qiegħ tal-ħajja demokratika f’Malta bil-għan li tingħata aktar saħħa liċ-ċittadini u lis-soċjeta’ ċivili. Il-laqghat tal-lum ma’ Repubblika u CSN urew li hemm numru sabih ta’ punti, prinċipji u metodi li ġew diskussi u li fuqhom hemm qbil bejn l-Oppożizzjoni u s-soċjeta’ ċivili filwaqt li d-diskussjonijiet se tkomplu f’iktar dettal. L-Oppożizzjoni tinsab impenjata li tkompli tiltaqa’ ma’ kulmin irid jikkontribwixxi għat-tisħiħ tas-tessut demokratiku f’Malta u determinata li tagħmel dak li l-Gvern m’għamilx, li tikkonsulta b’mod ġenwin u onest.