Internazzjonali

Covid-19: Il-Brażil, għall-ewwel darba, jirrapporta aktar minn 1,000 mewta f’jum

Il-Brażil, għall-ewwel darba, irrapporta ‘il fuq minn 1,000 mewta mill-Covid-19 f’ġurnata waħda, fost indikazzjonijiet li l-pajjiż jonqsu l-ġimgħat biex jara l-agħar effetti tal-pandemija. Filwaqt li l-pajjiż Latin-Amerikan irrapporta ‘il fuq minn 271,000 każ ta’ infezzjoni, l-ammont proprju ta’ infezzjonijiet x’aktarx hu ogħla minħabba proċess ta’ testijiet meqjus bħala insuffiċjenti.

Il-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, kemm-il darba prova jimminimizza l-impatt traġiku tal-Covid-19 u issa reġa’ iddefenda l-użu ta’ mediċina – chloroquine – bħala ‘rimedju’. Mhemmx il-provi li din il-mediċina tista’ tkun effettiva, fost diversi rapporti dwar is-side effects perikolużi li tista’ tħalli.

Il-fatt li Bolsonaro sfida kemm-il darba lill-esperti tas-saħħa pubblika (filwaqt li ċaħad il-pariri tagħhom)  wassal għar-riżenja, fl-aħħar xahar, ta’ żewġ tobba mill-kariga ta’ Ministru tas-Saħħa. L-inkwiet partikulari fil-Brażil jitratta l-firxa rapida tal-virus qalb iz-zoni tal-aktar residenti foqra — kif ukoll fost il-komunitajiet indiġeni li wkoll huma vulnerabbli ħafna għall-infezzjoni.

Sadanittant, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump insista li l-fatt li pajjiżu għandhu l-ogħla ammont ta’ infezzjonijiet (bil-Covid-19) ikkonfermati fid-dinja għandu jitqies bħala ‘marka ta’ unur’.  Hu qed iħares lejn dan il-fatt minn lat pożittiv ‘għaliex il-każi juru li l-Amerikani qed jużaw sistema ta’ testijiet superjuri u li l-Istati Uniti wettqet aktar testijiet minn kwalunkwe pajjiż ieħor.’

Il-Ministri fir-Renju Unit qed jiffaċċjaw il-pressjoni biex jikkunsidraw mill-ġdid il-pjani biex jerġgħu jinfetħu l-iskejjel primarji għal ‘ċerti studenti’ sal-Ewwel ta’ Ġunju.

Fl-istess ħin, il-Bank tad-Dinja ħareġ bit-twissija allarmanti li sa 60 miljun persuna oħra kapaċi jispiċċaw f’sitwazzjoni ta’ faqar ‘estrem’ b’konsegwenza tal-effetti tal-Covid-19 għall-ekonomija globali.

Esperti fiċ-Ċina qalu li l-pazjenti infettati bil-Covid-19 li qed jaraw issa fl-inħawi tal-Grigal qegħdin juru ‘sintomi differenti’ u fejn jeħtieġu ‘perjodu ta’ inkubazzjoni itwal’ minn tal-pazjenti li kienu mardu bil-virus f’Wuhan, fil-bidu tal-pandemija. Ir-rapporti dwar każi ġodda qalu ‘li s-sintomi kliniċi mhumiex tipiċi tal-Covid-19’ fil-provinċji ta’ Heilongjiang u Jilin. Ingħad ukoll li l-pazjenti l-ġodda ma batewx mid-deni iżda minn għejja u uġigħ fil-griżmejn – waqt li oħrajn mhuma juru l-ebda sintomi.

Il-Lussemburgu, din il-ġimgħa, beda t-testijiet tal-massa għall-Covid-19 bil-għan li s-600,000 resident jgħaddu kollha minn din il-proċedura mill-aktar fis possibbli. Dan qed isir biex il-pajjiż jevita tieni mewġa ta’ infezzjonijiet wara t-tnaqqis fil-miżuri tal-lockdown.

It-testijiet dijanostiċi fil-Lussemburgu huma volontarji u fejn, minn ‘bidu’ ta’ 1,500 test kuljum, iridu jiżdiedu għal 20,000 ( għal kull ġurnata) sax-xahar id-dieħel. L-awtoritajiet fil-Grand Duchy qed jaħsbu wkoll biex il-proċedura tat-testijiset issir aktar minn darba għal ċerti każi.