Internazzjonali

Franza: Sitwazzjoni skomda għal Macron, wara t-theżżiża li ħallietu mingħajr maġġoranza

It-telfa tal-maġġoranza parlamentari għall-Partit LREM (Republique en Marche) tal-President Franċiż, Emmanuel Macron, uriet li aktar deputati li darba kienu alleati tal-istess Macron mhumiex kuntenti bil-mod kif qed imexxi l-partit fil-Gvern.

Id-deputati li telqu mill-partit huma urtati l-aktar għaliex jemmnu li l-LREM ma żammx il-wiegħda biex ikun partit aktar inklussiv u li suppost kellu jimplimenta stil ta’ tmexxija li ma tirriflettix id-diviżjoni politika ta’ snin ilu.

Mindu Macron kiseb ir-rebħa Presidenzjali sorpriża tal-2017, ħafna mill-alleati tiegħu qed iħossu li hu ipprova javviċina kemm-il darba lill-politiċi tal-lemin — bix-xellug jibqa’ ftit jew wisq ‘injorat’.

Intant, il-partit ta’ Macron tilef il-maġġoranza wara li, din il-ġimgħa, telquh grupp ta’ deputati biex jiffurmaw partit ġdid. Il-Partit għall-Ekoloġija, Demokrazija u Solidarjetà se jkun iffurmat, fil-parti kbira, minn seba’ eks-deputati tal-LREM u eks-sostenituri oħra tal-President Macron.

L-eks (deputati) alleati ta’ Macron, issa, qed jaħsbu biex jikkonċentraw fuq issues ekoloġiċi u aspetti ta’ inugwaljanza soċjali. Dan wara li d-deċiżjoni tagħhom biex jitilqu ħallew lill-LREM b’288 siġġu – wieħed anqas minn maġġoranza fil-kamra ta’isfel tal-Parlament magħmul minn 577 deputat.

L-analisti Franċiżi, intant, qed jgħidu li l-LREM għad għandu xorta l-appoġġ ta’ żewġ alleati politiċi oħra —  il-MoDem taċ-ċentru u l-Agir taċ-ċentru-lemin – li flimkien jikkontrollaw 56 siġġu ieħor fl-Assemblea Nazzjonali ta’ Pariġi.

Hemm anki ċ-ċans li l-LREM jikseb mill-ġdid maġġoranza assoluta f’każ li deputat ieħor li jiddeċiedi biex jitlaq mill-Assemblea ikun sostitwit minn deputat ‘favur Macron’.

Iżda hu minnu li l-kamp ta’ Emmanuel Macron, fl-aħħar xhur, kellu jgħaddi minn sensiela ta’ disfatti li fihom spiċċa jitlef lil diversi elementi. Fil-fatt, l-istampa Franċiża qalet li s-seba deputati li telquh nhar it-Tlieta kienu spiċċaw taħt pressjoni intensiva biex jibqgħu jiffurmaw parti mill-partit fil-Gvern.

Fl-istess ħin, it-twaqqif tal-partit ġdid magħmul mill-eks alleati tal-President ma jfissirx bilfors li l-Macron qed jiffaċċja ‘daqqa mortali’ f’sens elettorali. Dan waqt li s-sostenituri ta’ Macron qed ifissru l-aħħar tluq tad-deputati mil-LREM bħala ‘parti mir-rutina tal-ħajja fil-Parlament Franċiż’.