Coronavirus Knisja Lokali

Friends of Providence House NSW b’donazzjoni ta’ $16,000 lid-Dar tal-Providenza

Matul dawn l-aħħar sittax-il xahar, il-Friends of Providence House NSW ġabru $16,000 li normalment jiġu ppreżentati uffiċċjalment lid-Dar tal-Providenza waqt il-Maratona tal-Volleyball li jsir fil-bidu ta’ Lulju fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi.

Minħabba r-restrizzjonijiet imposti mill-pandemija COVID-19, il-maratona kellha titħassar u għalhekk is-somma miġbura ġiet trasferita lid-Dar ħafna qabel biex il-fondi jgħinu lid-Dar biex tkun tista’ tkompli toffri s-servizzi lir-residenti fid-djar tagħha.

Dawn il-fondi huma riżultat ta’ bosta xhur ta’ ħidma matul l-2019 l-2020 mill-komunità Maltija f’Sydney u l-madwar. Dawn inġabru minn sponsorship ewlieni mis-Sur George Vella, ta’ Breakaway Travel fi Blacktown, kompetizzjonijiet, għotjiet individwali, lotteriji, il-Festa’ ta’ Ġenerożità li ġiet organizzata aktar kmieni din is-sena kif ukoll għotja ta’ $5,000 minn donatur anonimu.

Jim Borg, il-kordinatur tal-Friends of Providence House NSW, flimkien mat-tim tiegħu, Marisa Previtera (Segretarja) u Miriam Friggieri (Kaxxiera), huma f’kuntatt regolari ma’ Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Is-Sur Borg qal li l-grupp tiegħu se jibqa’ għaddej bl-inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi għal dik li huwa jiddeskrivi istituzzjoni rrispettata u maħbuba anke fl-Awstralja.