Futbol Sport

Għaliex aħna ma nistgħux nagħmlu xogħolna waqt li nosservaw il-linji gwida tal-awtoritajiet? – Andrei Agius

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Id-difensur internazzjonali Malti Andrei Agius esprima d-diżappunt tiegħu li bħala plejer professjonali ma jistax jagħmel xogħlu, jiġifieri li jitħarreġ filwaqt li jirrispetta r-restrizzjonijiet. F’kitba fuq il-profil tiegħu fuq facebook, Agius tkellem primarjament dwar it-taħriġ u mhux b’referenza għat-tkomplija tal-kampjonat, li t-Tnejn li għadda ġie deċiż mill-Kumitat Eżekuttiv tal-MFA li ma setax jitkompla.

Hu staqsa diversi mistoqsijiet li qed jistenna risposta jew kjarifika għalihom. Fosthom staqsa għaliex waqfu issa meta fi kliemu l-Gvern qed jimbotta għan-normalità u għaliex il-klabbs ma ħadux l-opportunità li jibdew it-taħriġ fi gruppi żgħar filwaqt li jobdu l-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa. “Aħsbu kemm jistgħu jsiru eżerċizzji mingħajr kuntatt u fi stadju aktar tard ngħaddu għat-tieni fażi li nitħarrġu bħala grupp sħiħ.” Andrei Agius kompla li l-klabbs oħra li kellhom l-istaġun imwaqqaf, xorta għadhom qed iħarrġu lill-plejers tagħhom.

(Ritratt: EPA)

Il-plejer ta’ Hibernians qal li klabbs oħra f’pajjiżi barranin għamlu pressjoni fuq il-Gvern tagħhom biex tal-anqas jibdew jitħarrġu b’mod individwali. Agius saħaq li l-unika raġuni li għamlu dan hu għaliex il-plejers tagħhom huma l-assi tal-klabb.

It-tħassib tad-difensur Malti hu li dan iż-żmien kollu mingħajr taħriġ ifisser anqas titjib u tnaqqis fil-valur tal-plejer. “Il-mistoqsija tiegħi hi x’se jiġri meta nkomplu? Meta se nibdew? Nistgħu nifilħu li ma nkunux nistgħu nitħarrġu meta aħna ninsabu fil-qiegħ mqabbel ma’ pajjiżi oħra dwar il-livell tal-futbol? Għaliex aħna ma nistgħux nagħmlu xogħolna kif ħaddieħor qed jagħmlu tagħhom imma b’mod normali ġdid?

(Ritratt: EPA)

Il-plejer ta’ 33 sena hu tal-opinjoni li fallew iċ-ċans li jagħtu ftit kredibbiltà lill-aktar sport ipprattikat f’pajjiżna filwaqt li “ninsab dispjaċut li qatt ma jirnexxilna naħsbu barra mill-perimetru tagħna biex nistinkaw għal dak li veru hemm bżonn. Stajna faċilment dawwarna din is-sitwazzjoni favur tagħna. GĦAMILNA HEKK? Min jaf.”

Agius għamel referenza għat-tfal li jilagħbu l-futbol u joħolmu li jsiru plejers professjonali u saqsa jekk hux qed naħsbu fihom. Hu tkellem kif setgħu jgħinuhom billi jħarrġuhom fi gruppi ta’ ħamsa mingħajr ma jkunu f’kuntatt u fl-istess ħin jaħdmu fuq diversi affarijiet li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għalihom.

(Ritratt: EPA)