Coronavirus Kummerċ Lokali

HSBC Malta jniedi l-Iskema ta’ Garanzija COVID-19 tal-Bank Malti għall-Iżvilupp

HSBC Bank Malta p.l.c. qed ikompli jtejjeb l-appoġġ tiegħu għall-komunità kummerċjali matul dawn iż-żminijiet ta’ sfida, billi kkonferma l-parteċipazzjoni tiegħu fl-Iskema ta’ Garanzija COVID-19 (CGS) tal-Bank Malti għall-Iżvilupp (MDB).

Dan l-iżvilupp jikkumplimenta serje ta’ inizjattivi li diġà ttieħdu mill-HSBC Malta fil-bidu tal-pandemija, inklużi l-capital repayment holidays, working capital temporanju bla ħlas u l-appoġġ għall-finanzjament kummerċjali.

L-iskema CGS, appoġġjata mill-Gvern, tipprovdi lill-banek b’mitigazzjoni rigward ir-riskju tal-kreditu u salvataġġ tal-kapital dwar self mogħti lil negozji eliġibbli u viabbli li jistgħu jkunu għaddejjin minn diffikultajiet ta’ cash flow u likwidità, li qed jirriżultaw mill-kundizzjonijiet ħżiena għan-negozju minħabba t-tixrid tal-virus.

Il-linji gwida normali ta’ kreditu tal-HSBC Malta se jkomplu japplikaw.Joyce Grech, il-Kap tal-Kummerċ Bankarju tal-HSBC Malta, qalet: “It-tnedija tal-Iskema ta’ Garanzija COVID-19 tal-Bank Malti għall-Iżvilupp se tippermettilna li nappoġġjaw aktar lill-klijenti li għandhom negozju u qed ifittxu appoġġ finanzjarju matul dan iż-żmien ta’ inċertezzi.

L-Iskema ta’ Garanzija COVID-19 tiffaċilita l-provvista ta’ finanzjament addizzjonali għan-negozji li qed jiffaċċjaw nuqqas immedjat u qawwi f’dik li hi likwidità.

L-HSBC Malta diġà introduċa għadd ta’ miżuri sinifikanti oħra biex jappoġġja lill-komunità kummerċjali u jiena nħeġġeġ lill-klijenti tagħna li għandhom negozju, u li qegħdin iħossu li għandhom bżonn l-għajnuna, biex jikkuntattjaw lill-Maniġer tar-Relazzjonijiet rispettiv tagħhom ħalli jiddiskutu l-aħjar għażliet disponibbli skont il-ħteġijiet speċifiċi tagħhom.”