Lokali Parlament

Il-gvern abbanduna l-isports f’dan il-perjodu diffiċli

Il-PN bi proposti sostenibbli

Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista appella lill-gvern biex ma jkomplix jabbanduna lill-għaqdiet sportivi propju f’dan il-mument ta’ kriżi meta id-dħul waqaf.

Fil-parlament Robert Cutajar qal li s-settur tal-isport li jolqot lit-tfal u adulti tħalla barra u l-gvern ma tahx importanza. Hu qal li kien sew li waqaf l-isport fl-interess tal-poplu Malti; li eluf minnhom jipprattikaw l-isport.

Iżda fl-aħħar xahrejn ħadd ma tella’ l-isport fuq l-aġenda nazzjonali. Il-klabbs u l-assoċjazzjonijiet jinsabu taħt pressjoni kbira għaliex mhux stabbilit jekk dan hux se jirrotrna. L-impatt fuq l-isport kien wieħed qawwi.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-klabbs u l-assoċjazzjonijiet huma diżappuntati li tħallew bla informazzjoni fl-aħħar xahrejn. Hu staqsa kemm saru laqgħat mal-għaqdiet sportivi u qal li l-gvern lanqas qed iwieġeb mistoqsijiet parlamentari dwar dan.

Robert Cutajar kompla li l-fatti huma li l-gvern iltaqa’ biss ma ħames assoċjazzjonijiet kbar iżda dan mhux rispett lejn l-isport Malti. Il-PN ta prijorità lill-isport billi ddikjara li l-isport għandu jitla’ fuq livell ta’ ministeru.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-pajjiż għandu problema ta’ obeżità bil-gvern jonqos li jattwa politika f’dan is-settur. Il-gvern naqas li jirrikonoxxi lill-għaqdiet ta’ diversi sports żgħar iżda li wkoll jikkontribwixxu għall-ekonomija fosthom fit-turiżmu sportiv. Hawn għaqdiet li jġibu anki 1,000 atleta barrani kull sena.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni kompla li l-gvern ma tellax l-isport fuq l-aġenda nazzjonali iżda l-PN qed jipproponi kif il-gvern jista’ jgħin lill-għaqdiet sportivi. Hemm sports li ma jafux jekk hux se jkunu kapaċi jerġgħu jipprattikaw. L-introjtu tal-klabbs waqaf minħabba li waqfu l-kirjiet tal-grounds u l-għeluq tal-każini; iżda l-ispejjeż komplew.

Il-klabbs għandhom ukoll il-kirijiet x’iħallsu u dan se jkun piż kbir fuq dawn l-għaqdiet. F’dan il-perjodu l-gvern qed jgħid li l-isport ibbenefika mill-pakkett finanzjarju mħabbar mill-gvern iżda dan mhux minnu.

Il-gvern qed jirrifjuta wkoll li jeżenta lill-isport milli jitħallsu l-kirjiet għall-2020 u l-2021. X’qed jistenna l-gvern biex iwettaq dawn il-miżuri? Kien mistenni li jitħabbru protokolli biex ma jkunx hemm inċertezza fost l-għaqdiet sportivi. Il-gvern għandu jagħti prijorità lill-isports biex jippreżenta protokolli neċessarji.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li l-PN qed jagħmel proposti biex numru ta’ dixxiplini sportivi jkomplu jipprattikaw u ma jintemmux. L-isport fih il-valuri importanti fis-soċjetà u kapaċi jagħti stil ta’ ħajja sana lill-poplu, sostna Robert Cutajar.

Il-PN qed jipproponi biex il-gvern jgħin lill-għaqdiet sportivi bla diskriminazzjoni, jibda djalogu mal-għaqdiet, jeżenta l-ħlasijiet tal-kirjiet fuq faċilitajiet sportivi u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, jingħataw l-iskemi li kienu mwiegħda u li l-klabbs u l-għaqdiet ikunu eżentati mill-miżati governattivi għall-202. Dawn huma proposti favur il-volontarjat fil-pajjiż.

Robert Cutajar kompla li l-ħaddiema tal-gyms ingħataw parti mill-pakkett finanzjarju iżda dawn il-persuni għandhom bżonn manutenzjoni li trid issir fuq il-makkinarju fil-gyms. Il-gvern għandu jitkellem ukoll ma’ dan is-settur għaliex dawn għandhom diffikultajiet kbar.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li kien ovvju u raġonat li l-isport u l-iskejjel kellhom jieqfu u jingħalqu rispettivament iżda minbarra dan anki l-probema tal-obeżità ħalliet l-effetti tagħha għaliex il-gvern falla f’dan is-settur.

Robert Cutajar kompla li tul dawn ix-xahrejn din il-problema kbiret minkejja l-apsett virtwali tal-għalliema iżda ma kienx hemm ir-rieda mit-tfal biex jagħmlu l-isforz meħtieġ.

Hu appella lill-ġenituri biex iħarsu l-istruzzjonijiet tas-saħħa iżda jridu jifhmu li l-problema tal-obeżità qed tikkawża eluf ta’ imwiet fis-sena. Filwaqt li sellem lill-familji tal-vittmi tal-COVID 19, Robert Cutajar qal li l-obeżità qed twassal għal ħafna iktar imwiet u appella biex isiru l-eżerċizzju fiżiċi fid-djar.