Lokali Parlament

Il-kuntratt ta’ €.4.5 miljun mal-Vista Jet ma kienx onorat kif suppost

Ritratt: Times of Malta

Fil-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) irriżulta li l-kuntratt ta’ €4.5 miljun bejn l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) u l-Vista Jet ma kienx onorat kif suppost tant li hemm anki dokumentazzjoni nieqsa mill-invoices.

Fis-sedua kompla jixhed l-ex CEO tal-MTA Paul Bugeja li għal mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Chris Said, qal li fil-perjodu imsemmi kienu saru laqgħat interni dwar branding, media u marketing plan immexxija minnu u minn Leslie Vella, li kien deputat CEO tal-MTA. Paul Bugeja qal li m’għandux informazzjoni jekk dan il-pjan għall-2017 jeżistix għaliex qatt ma wasal għall-konoxxenza tiegħu.

Dwar il-fondi supplimentari, Paul Bugeja qal li din kienet issir mill-MTA permezz tal-Ministeru tat-Turiżmu u sostna li fuq il-kuntratt tal-Vista Jet ma kienx hemm fondi biżżejjed mill-MTA fl-2016. Għalhekk saret talba għall-fondi.

Paul Bugeja qal fl-opinjoni tiegħu ma sar xejn ħażin f’dan il-kuntratt u kompla li l-inizjattivi kienu qed jiġu diskussi mal-Ministeru tat-Turiżmu. Hu qal li l-€1.5 miljun għall-2017 tpoġġew taħt il-branding tal-Malta Marketing iżda Chris Said sostna li dan ħareġ mill-MTA.

Dawn il-€1.5 miljun ma kienux parti mill-budget tal-MTA; mill-fondi tal-MTA tħallsu l-Vista Jet iżda dawn ma jidhrux fl-accounts tal-MTA. Mingħand il-Malta Marketing għandha tiġbor madwar €5 miljuni, sostna Paul Bugeja, li kompla li l-flus tal-2016 ġew mill-Ministeru tal-Finanzi. Id-deputat Nazzjonalista Chris Said sostna li dan hu eżerċizzju fil-kontijiet biex jgħatti deal maħmuġ.

Għal iktar mistoqsijiet Paul Bugeja qal li l-flus inħarġu mill-MTA u l-Malta Marketing ħallset fl-2016 u sostna li jrid jiċċekkja minn fejn ħarġu l-flus għall-2017 għalkemm m’għandux aċċess għaliha.

Chris Said rrifera għal artikli pubblikati li suppost trattaw lil Malta u qal li f’dawn l-artikli u filmati, li għalihom tħallsu l-eluf, Malta ma tissemma’ imkien. Ix-xhud qal li fl-avjazzjoni meta kien jidher il-logo 9H kien hemm riferenza għal Malta. Fil-kuntratt il-Vista Jet ma kellhomx obbligi li jġibu t-turisti lejn Malta u kienu jġorru 40,000 passiġġier ta’ kwalità lejn 1,900 ajruport madwar id-dinja.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami rrimarka li l-Vista Jet intużat biex ġarret minn Malta liċ-Chairman tal-Pilatus Bank Ali Sadr meta dan inqabad ħiereġ b’bagalji minn kwartieri tal-Bank f’Ta’ Xbiex.

Paul Bugeja qal li l-kelma branding ma tissemma’ imkien fil-kuntratt tal-Vista Jet għaliex tpoġġew taħt marketing.

Beppe Fenech Adami qal li “Josephine Farrugia tefgħet kollox fuqek u issa int qed tgħidilna biex nistaqu lil Leslie Vella”, li bejn l-2014 u l-2018 kien deputat CEO tal-MTA. Fl-intervisti tal-Vista Jet u mill-videos, Malta ma tissemma’ qatt.

Irriżulta li l-invoices ma kienux joħorġu kul erba’ xhur kif suppost kellu jsir bil-kuntratt waqt li l-invoices ma fihom l-ebda dettalji. Kif jista’ jkun li ġara hekk? Qisu ma ġara xejn?, staqsa Beppe Fenech Adami, li kompla li hu ovvju li l-kuntratt ma kienx segwit minħabba l-invoices, “iżda din hi teknikalità”. Beppe Fenech Adami qal li l-fatti huma li l-ftehim dwar il-media ma sarx u ma saret l-ebda riferenza għal Malta.

Chris Said staqsa dwar postijiet li għandha mikrijin l-MTA f’sitt pajjiżi barra minn Malta u ħames posijiet f’Malta fosthom Smart City, l-Imrieħel u l-Imsida. Dwar l-użu ta’ Smart City, l-MTA ma kellhiex obbligu li toħroġ offerti

Dwar kiri ta’ post mingħand persuna li kien ta’ persuna qrib iċ-Chairman tal-MTA, Paul Bugeja qal li meta sar jaf dwar dan kien tkellem maċ-Chairman li kien jinsisti li ma jidħolx f’dawn it-tp ta’ arranġamenti. Il-kirja kienet irduppjata minn €20,000 għal €47,000 u dwar dan kien hemm rapport.

Chris Said staqsa dwar l-iżvilupp tar-rotot u qal li jirriżulta li l-budget tal-MTA żdied f’dan is-settur għal fl-2017 kien €33 miljun iżda għall-2018 kien hemm €6 miljun inqas fil-budget. Hu qal li ma jiftakarx kemm kien hemm rotot fl-2017.

Chris Said qal li kien hemm żieda ta’ €11-il miljun meta r-rotot ma żdiedux bl-istess persentaġġ. L-MTA kellha budget ta’ €80 miljun li iktar minn €50 miljun minnhom huma fuq żvilupp tar-rotot.

Chris Said staqa dwar l-events fejn Paul Bugeja qal li sa nofs l-2017 Edward Zammit kien responsabbli u warajh ġie Lionell Gerada li beda f’Lulju 2017. Dwar iż-żieda fil-budget għall-events, Paul Bugeja qal li fl-2017 dan kien €2 miljuni.