Lokali

Il-PN impenjat biex iż-żgħażagħ tagħna jkunu protagonisti fit-tfassil tal-politika

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ Robert Cutajar f'laqgħa konġunta flimkien mal-MŻPN u Team Start PN

“Se nkun qed naħdem u nagħmel ħilti sabiex iż-żgħażagħ ma jkunux spettaturi fil-ħidma tagħna l-politiċi iżda jkunu fost il-protagonisti ewlenin.” Kien dan il-ħsieb ewlieni ta’ Robert Cutajar il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport tul Ħajjitna, l-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità.

Robert Cutajar stqarr dan waqt laqgħa virtwali mal-membri tal-Eżekuttiv tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) u tal-Eżekuttiv ta’ Team Start PN, ż-żewġ fergħat taż-żgħażagħ fi ħdan il-PN, waqt laqgħa li kellu bħala l-Kelliem għaż-Żgħażagħ f’isem l-Oppożizzjoni.

F’din il-laqgħa kien diskuss kif fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin il-PN se jkun qed infassal politika relevanti għaż-żminijiet tal-lum biex jiġi massimizzat il-potenzjal taż-żgħażagħ fl-interess tal-ġid komuni.

“Nonqsu jekk ma nisfruttawx b’mod mill-aktar pożittiv, il-kreattività, l-innovazzjoni, l-enerġija, id-dinamiżmu, il-passjoni u l-ħolm li jġibu magħhom iż-żgħażagħ.” saħaq Robert Cutajar.

Hu qal li l-PN elenka dawk is-setturi li fejn iż-żgħażagħ għandhom ikunu fuq quddiem nett sabiex jikkontribwixxu bl-ideat u l-ħsibijiet tagħhom. Fil-ħdima tiegħu, il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-PN qal li se jkun qed jara li ż-żgħażagħ jipparteċipaw b’mod attiv fil-politika u fit-teħid tad-deċiżjonijiet sabiex verament ikunu l-protagonisti fil-mixja ta’ pajjiżna.

Joeseph Grech bħala President tal-MŻPN u Thomas De Martino President ta’ Team Start PN, flimkien mal-membri li jiffurmaw l-Eżekuttiv taż-żewġ fergħat rispettivi taw il-kontribut tagħhom matul din il-laqgħa.

“Parti mill-ħidma tiegħi se tkun ukoll li nisma’ b’attenzjoni dak kollu li qed jesprimu ż-żgħażagħ u laqgħat bħal dawn jaffermaw il-valur u l-kontribut eċċezzjonali li jista’ jagħti s-settur taż-żgħażagħ kemm fil-politika u anke fuq livell nazzjonali.” temm jgħid Robert Cutajar.

Din il-laqgħa segwiet laqgħa simili oħra li Robert Cutajar kellu ftit tal-jiem ilu mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ).