Coronavirus Ekonomija Lokali

Il-PN jippreżenta “Pjan għal Malta” biex l-ekonomija tirkupra

Għajnuna ċara lill-familji u lin-negozji
  • Nużaw dan iż-żmien għat-trasformazzjoni biex inkunu ppreparati għar-realtajiet tal-futur
  • Niġbdu ħabel wieħed għall-aqwa ġid ta’ pajjiżna

“Għamilna konsultazzjoni wiesa’ mas-setturi kollha tas-soċjeta’ biex nifhmu l-isfidi u l-prijoritajiet tagħhom u llum qegħdin inressqu ‘l quddiem il-pjan tal-Oppożizzjoni għall-fejqan tal-ekonomija. Dan mhux iż-żmien li nkunu popolisti iżda huwa ż-żmien għat-trasformazzjoni biex inkunu ppreparati għar-realtajiet tal-futur u nimxu ‘l quddiem. Fejn inkunu flimkien madwar il-mejda u niġbdu ħabel wieħed għall-aqwa ġid ta’ pajjiżna.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech fejn nieda għan-nom tal-Partit Nazzjonalista il-PJAN GĦAL MALTA biex l-ekonomija tirkupra. 

Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni għandha l-obbligu li fejn jonqos il-Gvern nagħmlu l-pass aħna, u għalhekk wara taħdidiet mas-setturi kollha ekonomiċi u tas-soċjeta’ tagħna u rajna wkoll x’qegħdin jagħmlu pajjiżi oħrajn, qegħdin nippreżentaw “pjan għal Malta” għall-irkupru ekonomiku wara l-COVID-19.

Huwa qal li rridu naraw x’inhuma l-pedamenti tal-ekonomija ta’ għada biex negħlbu l-inċertezza ta’ dan iż-żmien, nippjanaw għas-settur ta’ għada u nħarsu ‘l quddiem. Dan meta l-inċertezza u l-isidi reletati mas-social distancing huma l-isidi ewlenin li qed jaffaċċjaw in-negozji u huma żewġ fatturi importanti li qegħdin jherru s-sisien ekonomiċi, li issa rajna kif ma kienux ippreparati għall-maltemp u li s-surplus ma sewiex għal ħafna għaliex kien ibbażat fuq mudell ekonomiku ħażin bit-tkabbir tal-popolazzjoni u l-konsumeriżmu. Għalhekk ukoll l-Oppożizzjoni qed tressaq dan il-pjan tagħha biex nippjanaw flimkien u naraw fejn irridu li nwasslu lil pajjiżna. 

Adrian Delia qal li quddiemna għad għadna sfidi oħrajn tal-governanza tajba fosthom il-bini mill-ġdid tar-reputazzjoni li l-Gvern għarraq, ir-riformi Kostituzzjonali wara r-rapport tal-Kummissjoni Venezja u t-test tal-Monyval fejn pajjiżna qed jirriskja li jispiċċa black listed. Huwa qal li rridu nsibu l-aqwa soluzzjonijiet biex igawdi l-pajjiż u ċ-ċittadini u qed nippronu task force bl-istakeholders kollha madwar il-mejda tad-diskussjoni u niġbdu ħabel wieħed. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia enfasizza fuq l-importanza li l-Gvern jagħti direzzjoni, jaqsam l-informazzjoni, jispjega t-tħejjija  tiegħu u jkun verament trasparenti biex kulħadd ikun jista’ jippjana għal dak li ġej quddiemna. Dan huwa l-mument fejn kulħadd kien qed jistenna direzzjoni u minflok rajna l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci jgħidu mod dwar il-possibbilta’ tat-tieni mewġa tal-virus u l-Prim Ministru Robert Abela jgħid bil-kontra tagħhom.

Dan meta l-Gvern naqas milli jagħti l-komfort li pajjiżna jinsab verament ippreparat bl-investiment u tagħmir mediku għal jekk u meta jkollna t-tieni mewġa tal-virus. 

Il-Kelliem tal-Opożipzzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech spjega kif l-Oppożizzjoni se tkun qed tieħu pass bla preċedent fl-isfond tal-politika lokali u se tkun qed twarrab il-politika tal-partiti biex taddotta l-politika tal-ġid komuni permezz ta’ kontribut dirett fit-tfassil tar-recovery plan mill-kriżi ekonomika li ninsabu fiha. Aktar minn hekk, l-Oppożizzjoni qed tipproponi li din il-ħidma ma’ tkunx ristretta biss għall-partiti politiċi iżda li permezz ta’ task force ġġib flimkien ukoll lill-imsieħba ewlenin kollha nkluż korpi kostitwiti, unjins u s-soċjeta’ ċivili.

Claudio Grech spjega wkoll x’inhuma l-għaxar prinċipji ewlenin tal-politika li qed tressaq l-Oppożizzjoni sabiex fuqhom ikunu jistgħu jinbnew il-miżuri fil-proċess ta’ konsultazzjoni:

  1. Għajnuna ffukata, temporanja u fil-ħin opportun għal dawk l-intrapriżi li intlaqtu materjalment.
  2. Titnaqqas l-inċertezza billi jitħejja pjan skedat ta’ deċiżjonijiet li jsarrfu f’fiduċja mill-investituri.
  3. Tisħiħ tar-relazzjoni bejn is-saħħa u l-ekonomija: pajjiż b’saħħtu jwassal għal ekonomija b’saħħitha u ekonomija b’saħħitha tirriżulta f’poplu b’saħħtu.
  4. Inbiddlu l-kriżi tal-COVID-19 f’opportunità sabiex insewwu dak li m’għadux tajjeb fil-mudell ekonomiku tagħna u nfasslu it-triq għal trasformazzjoni ekonomika u viżjoni komuni għal pajjiżna.
  5. Nifformulaw u nżommu patt soċjali bejn il-korpi kostitwiti, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u ż-żewġ partiti politiċi.
  6. Tfassil ta’ settur privat tas-saħħa b’saħħtu u reżiljenti sabiex jikkumplimenta u mhux jikkompeti mas-settur tas-saħħa pubblika.
  7. Twaqqif ta’ skemi innovattivi u komprensivi li jgħinu l-intrapriżi li jixtiequ jbiddlu n-negozju tgħhom bħala parti mir-riġenerazzjoni ekonomika tal-pajjiż.
  8. Nixprunaw il-formazzjoni, trawwim u tkabbir ta’ ekosistemi sostenibbli lokali madwar għadd ta’ industriji.
  9. Tingħata prijorità lin-nefqa pubblika għat-tkabbir tal-pilastri ekonomiċi u t-tisħiħ tal-infrastruttura tal-pajjiż.
  10.  Il-fond finanzjarju tal-UE għall-irkupru u t-trasformazzjoni wara l-COVID-19 jintuża bħala l-mutur ewlieni għall-bidla.

 B’dan il-pjan tal-Oppożizzjoni, pajjiżna se jkun ippreparat u se nkunu qegħdin inwassluh għall-irkupru ekonomiku biex jerġa’ jikkompeti fid-dinja ta’ għada, li se tkun differenti minn dik tal-lum.