Ambjent Ekonomija Lokali

Speċjalisti tal-Bank Ċentrali ta’ Malta fuq quddiem fir-riċerka Ewropea

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta, konxju tal-impatt potenzjali tal-bidla fil-klima fuq l-ekonomiji nazzjonali u globali, huwa involut attivament fuq quddiem fir-riċerka dwar it-tisħin globali.

Dr Simone Russo huwa senior researcher fl-iStrategic Management Advisory & Research Team (SMART) fl-Uffiċċju tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Hu wieħed minn seba’ awturi ta’ rapport bit-titlu “Global warming and human impacts of heat and cold extremes in the EU”, li għadu kif ġie ppubblikat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), is-servizz tax-xjenza u l-għarfien tal-Kummissjoni Ewropea.

Ir-riċerkaturi l-oħrajn (Nauman G., Ibarreta D., Forzieri G., Girardello M., u Feyen L.) huma mill-JRC u mill-Università ta’ Trento (Formetta G.). Waħda mis-sejbiet tar-rapport tindika li kieku t-temperatura kellha titla’ b’1.5°C,
l-għadd ta’ nies fl-UE u fir-Renju Unit esposti għal mewġ ta’ sħana estrema jiżdied inn 9.6 miljun għal 105 miljun, u l-imwiet kaġun tas-sħana estrema jistgħu jiżdiedu mill-2,750 preżenti għal 30,000.

Iż-żieda fl-espożizzjoni tal-bniedem għal sħana estrema u l-fatalitajiet mis-sħana estrema hija l-aktar evidenti fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa. Dr Russo jispeċjalizza fl-iżvilupp ta’ indikaturi tar-riskju tal-mewġ tas-sħana globali assoċjat mat-tisħin globali għal direzzjonijiet futuri ta’ żvilupp tas-soċjetà.

Huwa kien koawtur – ma’ kollegi mill-Italja, Norveġja, Portugall u l-Istati Uniti – ta’ rapport bit-titlu “Half a degree and rapid socioeconomic development matter for heatwave risk” ippubblikat min-Nature Communications 10, 136 (2019).

Dr Russo huwa wkoll parti minn tim ikkummissjonat min-Network for Greening the Financial Sector (NGFS), inizjattiva internazzjonali minn 65 bank ċentrali u superviżuri tas-servizzi finanzjarji mnedija fl-2017 – Network li l-Bank Ċentrali ta’ Malta huwa membru tiegħu – sabiex jevalwa l-impatt ekonomiku tal-bidla fil-klima.