Lokali Saħħa

“Ir-riskju għadu hemm…bħalma kien xahrejn ilu” – it-tabiba Claire Callus

"Li tgħannaq lin-nanniet tiegħek mhux reat ... iżda hemm l-istess riskju li kien hemm xahrejn ilu"

“Tliet swali f’Mater Dei ngħalqu u ġew disinfettati fl-aħħar ġimgħa hekk f’din l-aħħar ġimgħa kellna żieda fil-każijiet ta’ Coronavirus f’pajjiżna.”

“Malta telgħat mal-aktar 20 pajjiż minn madwar id-dinja fl-aħħar jiem, b’numri doppju ta’ każijiet meta mqabbla mal-populazzjoni meta tkun kumparata mal-Italja, Spanja u l-Ġermanja.”

“287 ħaddiem tas-saħħa qed jinżammu fi kwarantina. F’Marzu f’perjodu partikolari kien hemm 150 ħaddiem tas-saħħa fi kwarantina, u numru minnhom kienu jinsabu f’iżolazzjoni wara li kienu għadhom kemm ġew minn barra.”

F’appell li għamlet fuq Facebook, it-tabiba Claire Callus qalet li l-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 65 sena għandhom l-istess riskju li kellhom f’Marzu li għadda. Appellat li għalkemm mhux reat li tgħannaq in-nanniet tiegħek, bħalissa hemm l-istess riskju li kien hemm xahrejn ilu.

Tenniet li ż-żgħażagħ għandhom l-istess responsabiltajiet li kellhom xahrejn ilu u l-unika konsolazzjoni li għandna bħalissa huwa li hemm is-sodod lesti fl-isptar.

Fl-aħħar jiem, numru ta’ stqarrijiet li nħarġu minn professjonisti fosthom il-MAM, fakkru li l-14-il każ f’Malta tas-Sibt li għadda huma ekwivalenti għal 1,700 każ fl-Italja.

F’Malta, il-każijiet żdiedu wara li taffejna ftit mill-miżuri li kienu imposti fil-bidu ta’ din l-imxija. Preżentament għandna l-istess ċifra li kellna fl-aħħar ta’ Marzu li għadda filwaqt li l-grafika kompliet tiela.

L-appell mill-Awtoritajiet fl-aħħar jiem kien biex wieħed jibqa’ jżomm il-kawtela u kif ukoll biex wieħed iżomm id-distanza. Is-Supritenedent tas-Saħħa Charmaine Gauci tenniet li l-vaċċin għal dan il-virus għad m’hawnx, u l-metodu ta’ kif jittieħed il-virus ma nbidilx.