Internazzjonali

It-Tajwan ikompli jirreżisti ‘l-isħubija maċ-Ċina’

Il-President tat-Tajwan, Tsai Ing-wen, qalet li pajjżha ma jistax jaċċetta li jsir parti miċ-Ċina skont l-offerta ta’ Beijing għal awtonomija (lit-Tajwan) li jibbaża fuq il-kunċett ta’ ‘pajjiż wieħed b’żewġ sistemi’.

Il-kummenti ta’ Tsai Ing-wen qed jitqies bħala ċaħda assoluta għall-politika taċ-Ċina li tesiġi d-dritt tas-sovranità fuq it-Tajwan. Intant, din is-sitwazzjoni x’aktarx li qed tiftaħ għal kriżi ġdida fir-relazzjonijiet ta’ Tajpej ma’ Beijing.

Fil-fatt, iċ-Ċina wieġbet li ‘ir-reunifikazzjoni taċ-Ċina mat-Tajwan hi inevitabbli’ u li Beijing mgħandu jittollera qatt l-indipendenza tat-Tajwaniżi.

Il-President Tsai, waqt diskors li kienet qed tagħmel wara li ħadet il-ġurament għat-tieni ( u l-aħħar) mandat ta’ tmexxija, għamlitha ċara li r-relazzjonijiet ta’ pajjiżha maċ-Ċina, issa waslu fi stadju storiku.

Hi spjegat li l-Istati ġirien għandhom id-dover li jsibu l-mezzi għall-koeżistenza fit-tul, filwaqt li jevitaw l-intensifikazzjoni tad-differenzi u l-antagoniżmu ‘fir-reġjun tagħhom’.

Tsai u l-Partit Demokratiku Progressiv tagħha kienu rebħu l-elezzjonijiet ta’ Jannar għall-Presidenza u l-Parlament b’vantaġġ komdu ħafna.

Il-President u l-Gvern ta’ Tajpej, sadanittant, huma impenjati biex jieqfu liċ-Ċina, meta r-reġim komunista f’Beijing qed ikompli jinsisti li t-Tajwan hu ‘parti miċ-Ċina’.

Ir-reġim komunista taċ-Ċina, fl-istess ħin, ilu jhedded li, jekk hemm bżonn, għandu juża l-forza biex ‘iġib lil din il-provinċja ribelluża (it-Tajwan) taħt kontroll’.

Intant, il-President Tsai irrepetiet li t-Tajwan ‘qiegħed ifittex it-triq lejn il-paċi, il-parità, id-demokrazija u d-djalogu’.

Fl-istess ħin, hi reġgħet għamlitha ċara li t-Tajwan jiċħad għall-politika ‘ta’ pajjiż wieħed b’żewġ sistemi’ li ħarġet biha ċ-Ċina u li l-partiti Tajwaniżi kollha qegħdin jirrifjutaw għaliha.

Iċ-Ċina ilha s-snin  tuża l-istess politika – li suppost li tiggarantixxi livell għoli ta’ awtonomija għal territorju partikulari – biex tmexxi lill-eks kolonja Britannika ta’ Hong Kong, li kienet irritornat taħt il-kontroll ta’ Beijing fl-1997.

Fl-aħħar sigħat, l-Uffiċċju taċ-Ċina inkarigat mill-Affarijiet tat-Tajwan wieġeb lill-President Tsai u rrepeta l-politika tal-President Ċiniż, Xi Jinping, li ‘iċ-Ċina mgħandhiex tħalli spazju għall-attivitajiet tas-separatisti li qegħdin jaħdmu favur pajjiż tat-Tajwan indipendenti.’

L-istqarrija minn Beijing kompliet li ‘ir-reunifikazzjoni tat-Tajwan maċ-Ċina hi inevitabbli minn aspett storiku’ u li Beijing ‘għandu r-rieda soda, minbarra li hu fiduċjuż mill-kapaċitajiet tiegħu biex jiddefendi s-sovranità nazzjonali flimkien mal-integrità territorjali tiegħu’.