Waqt li kulma jmur qed tiżdied il-pressjoni fuq il-Proġett Food Aid, din il-ġimgħa dan il-proġett immexxi mill-Malta Trust Foundation se jieħu ftit tan-nifs wara li Palumbo Malta Shipyard offriet 13-il tunnellata ta’ oġġetti tal-ikel bħala donazzjoni.
It-tarzna, li dejjem appoġġjat il-kawżi u l-bżonnijiet tar-reġjun tal-Kottonera f’dawn l-aħħar 10 snin, ordnat kontejner ta’ 20 pied ippakkjat bl-oġġetti tal-ikel għall-Proġett Food Aid, li qed iħabbat wiċċu ma’ qabża kbira fid-domanda għall-ikel hekk kif il-pandemija COVID-19 heżżet l-ekonomija.
Il-President tat-tarzna Antonio Palumbo qal: “Bħal kull industrija f’Malta u madwar id-dinja, ħadna daqqa ta’ ħarta, iżda wara 10 snin, Malta saret id-dar tagħna u f’dawn il-mumenti diffiċli ħassejna li issa huwa żmien ta’ solidarjetà mal-vulnerabbli u ma’ dawk li l-aktar huma fil-bżonn.”
Il-kontejner, li wasal mill-Italja din il-ġimgħa, fih fost l-oħrajn 6,240kg għaġin, 9,336 bott piżelli u 4,704 bottijiet tadam, flimkien ma’ proviżjonijiet oħra ta’ ikel bażiku li se jsib ruħu fil-pakketti ta’ emerġenza li se jgħinu biex numru ta’ familji u individwi jkollhom biex jgħaddu għal ġimagħtejn.
Il-Proġett Food Aid, li twaqqaf malajr f’Marzu meta feġġ il-coronavirus f’Malta, qed iwieżen lil organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li qed ibatu biex ilaħħqu, u fl-istess waqt qed jieħu ħsieb persuni riferuti għall-għajnuna mill-Fondazzjoni Foodbank Lifeline, li ma setgħetx tilqa’ każijiet ġodda.
Is-Sur Palumbo qal: “Inħossuna obbligati lejn it-tim li hemm wara l-Malta Trust Foundation, li qed taħdem tant iebes biex tagħti nifs lil dawk li f’daqqa waħda sabu ruħhom mingħajr dħul u ma jistgħux jaqilgħu l-għajxien għalihom infushom u għall-familji tagħhom.”
Il-Malta Trust Foundation irringrazzjat lil Palumbo Malta Shipyard talli ngħaqdet ma’ numru impressjonanti ta’ negozji u individwi li qed jersqu ‘l quddiem biex ikomplu jsostnu l-Proġett Food Aid, li bħalissa qed jgħin lil aktar minn 5,000 persuna.
Il-Malta Trust Foundation qed tikkollabora ma’ organizzazzjonijiet oħra mingħajr skop ta’ qligħ – bħall-Caritas, il-Millennium Chapel, Little Sisters of the Poor, il-Fondazzjoni Richmond, St Jeanne Antide u l-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali f’Għawdex, fost oħrajn – u qed tirċievi numru dejjem jikber ta’ talbiet imqanqla għall-għajnuna waqt li qed tibqa’ tkarkar il-kriżi ekonomika.
//= $special ?>