Coronavirus Internazzjonali

Kważi 5 miljun każ minn madwar id-dinja

Fl-aħħar sigħat fil-Brażil kien hemm kważi 18-il elf każ ġdid

Iċ-ċifra globali ta’ każijiet tal-Coronavirus kważi laħqet il-5 miljun persuna. Kollox qed jindika li l-imxija ġiet taħt kontroll fl-Ewropa, madankollu l-affarjiet xejn ma huma sbieħ fl-Amerka t’Isfel, hekk kif l-każijiet f’dan il-kontinent komplew jiżdiedu.

Fil-Brażil fl-aħħar sigħat kien hemm kważi 18,000 każ ġdid u aktar minn elf -mewta b’kawża tal-pandemija. Fiċ-Ċili̇ kien hemm aktar minn 3,000 każ ġdid fl-aħħar sigħat, bit-total ta’ mwiet issa tela’ għal aktar minn 500.

Fl-Amerka ta’ Fuq, fl-Istati Uniti, il-President Donald Trump qal li meta jara ‘l pajjiżu li għandu ħafna każijiet, jara dan bħala aħbar pożittiva, għax dan ifisser li l-pajjiż tiegħu għamel aktar testijiet minn pajjiżi oħra. Trump qal li għal din l-aħbar infatti l-Istati Uniti ħaqqa unur dan għaliex huwa l-aktar nazzjon li fih ġew imwettqa testijiet għall-Coronavirus.

Kumment bħal dan ġab numru ta’ kritika hekk kif fost l-oħrajn huma ħafna Amerikani li qed jikkundanaw lil Trump bl-ammont ta’ mwiet li kkawżat din l-imxija. It-total ta’ mwiet s’issa fl-Istati Uniti huwa dak ta’ aktar minn 93,000.