Coronavirus Knisja Lokali

L-Arċidjoċesi ta’ Malta tagħmel sejħa għall-protezzjoni tal-ispazji miftuħa

Hekk kif is-soċjetà Maltija jidher li riesqa lejn it-tmiem tal-partial lockdown, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta tixtieq tirrifletti fuq l-importanza tal-aċċess liberu għall-ispazji miftuħa għal kulħadd.

Dan qed isir fil-ġimgħa fejn qed niċċelebraw il-ħames anniversarju mill-publikazzjoni tal-enċiklika Laudato si’ tal-Papa Franġisku, “Fuq il-Kura tad-Dar Komuni Tagħna”.

L-importanza tal-aċċess tal-ispazji miftuħa, speċjalment fil-kuntest ta’ żoni li huma densament popolati jissemma f’din l-enċiklika. Fil-lockdown ta’ dawn l-aħħar ġimgħat stajna nindunaw bin-nuqqas ta’ spazji miftuħa li jistgħu joffru nifs mill-istorbju, l-ġenn u t-tniġġis tal-ibliet u l-irħula tagħna.

Waħda mit-temi prinċipali tal-Laudato si’ hi propju l-fatt li r-razza umana qiegħda kulma tmur turi attitudni ta’ dominazzjoni u sfruttar tal-ambjent naturali, u dan b’detriment tal-umanità stess (par. 101-136).

Laudato si’ twissi wkoll li meta l-ambjent jiġi sfruttat, ħafna drabi l-ewwel li jsofru huma l-foqra (par. 170), li jinkludu mhux biss dawk li mhumiex sinjuri biżżejjed sabiex jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom, imma anke dawk kollha li jinsabu fil-periferija tas-soċjetà.

Ispirati minn din l-osservazzjoni, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi qed issejjaħ biex postijiet aturali jiġu protetti minn żvilupp eċċessiv, jiġu salvagwardjati għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, u jkunu aċċessibbli għal kulħadd.

Kif jingħad fl-enċiklika tal-Papa, din it-tip ta’ protezzjoni mhix importanti biss għal raġunijiet ambjentali imma wkoll għal raġunijiet ta’ ġustizzja soċjali, fejn xi ħaġa li hi essenzjali għall-benesseri ta’ kulħadd, titħares u titgawda b’mod liberu minna lkoll.

Wieħed jifhem li biex ikun hemm il-protezzjoni u l-preservazzjoni neċessarja tal-ekosistemi tagħna, xi drabi l-aċċess għal dawn l-ispazji pubbliċi għandu jiġi ristrett.

Huwa importanti iżda li jkun hemm distinzjoni ċara bejn restrizzjonijiet dwar l-aċċess għal fini tal-ġid komuni, u restrizzjoni għall-benefiċċju tal-ftit. Post li l-aċċess tiegħu jingħalaq sabiex jiġi protett l-ambjent naturali tiegħu hu għas-servizz tal-ġid komuni, filwaqt li spazju fejn l-aċċess tiegħu jkun magħluq għal fini ta’ attivitajiet privati, fejn bħala konsegwenza jwassal għad-dannu u l-qerda tal-ambjent, imur kontra l-prinċipju tal-ġid komuni.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni qed tissieħeb fl-inizjattiva ‘Spazji Miftuħa’, filwaqt li qed issejjaħ sabiex ikun hemm restrizzjoni fir-rigward ta’ żviluppi fi spazji protetti f’Malta u sabiex ikun assigurat li dawn iż-żoni protetti jibqgħu aċċessibbli għal kulħadd matul is-sena kollha.