Edukazzjoni Lokali

L-edukazzjoni ta’ uliedna teħtieġ pjan studjat – PN

L-edukazzjoni ta’ uliedna teħtieġ immedjatament pjan studjat għall-possibbiltà tal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel f’Settembru li ġej u lil hinn - PN

“L-edukazzjoni ta’ uliedna teħtieġ immedjatament pjan studjat għall-possibbiltà tal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel f’Settembru li ġej u lil hinn. Dan il-pjan għandu jkun imfassal mill-għalliema u l-professjonisti tal-edukazzjoni u maqbul mall-istakeholders kollha. L-edukaturi, l-istudenti u l-ġenituri jeħtieġu rispett u appoġġ bil-fatti.” Dan qalu Clyde Puli l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Xogħol u Djalogu Soċjali fl-għeluq tat-tieni sessjoni tal-Konferenza Nazzjonali dwar l-edukazzjoni wara l-pandemija tal-COVID-19 li saret onlajn.

Din il-konferenza ġiet organizzata mill-Partit Nazzjonalista fi spirtu ta’ djalogu soċjali u fl-sfond tal-għeluq tal-iskejjel waqt il-pandemija. Waqt iż-żewġ sessjonijiet tal-konferenza, li kienu indirizzati minn diversi esperti u professjonisti tal-edukazzjoni ħareġ li l-pandemija kixfet diversi nuqqasijiet fis-sistema edukattiva filwaqt li aċċentwat problemi diġa’ eżistenti. Ħareġ ċar l-istress li dan il-perjodu ħoloq fuq l-edukaturi, l-istudenti u l-ġenituri waqt li ħareġ kif l-għalliema qamu għall-okkażjoni biex pattew kif setgħu għal sistema edukattiva mhux ippreparata biżżejjed bl-għodod u t-taħrig biex tgħallem onlajn. Waqt il-konferenza ġiet dikussa wkoll riċerka li turi li t-tfal tilfu madwar 30% ta’ dak li suppost ħadu matul din is-sena kif ukoll n-nuqqas ta’ pjan u konsultazzjoni mal-professjonisti sabiex dan jiġi rkuprat minn Settembru li ġej. Ġiet diskussa wkoll id-digital divide li ħarġet ċara f’dan il-perjodu.

Din is-sessjoni tal-Konferenza Nazzjonali kienet indirizzata minn Marchita Mangiafico President tal-Għaqda Nazzjonali tal-Ġenituri b’persuni b’Diżabilità u ġenitur ta’ persuna b’diżabilita’, Randolph Peresso għalliem u Assistent Kap ta’ Skola, Graham Sansone Kap Eżekuttiv tal-Union of Professional Educators – Voice of the Workers (UPE) u edukatur u Matthew Xuereb il-President elett tal-KSU u student fl-inġinerija fl-Università ta’ Malta.

Fost it-temi diskussi kien hemm il-ħtieġa li l-għalliema jingħataw l-ispazju u r-riżorsi kollha meħtieġa sabiex iwettqu xogħolhom, it-think tank mwaqqaf mill-Gvernu kif dan ma nkludiex l-għalliema u studenti f’dan il-qafas biex jiġi diskuss l-futur tal-edukazzjoni f’pajjiżna, il-bżonnijiet ta’ studenti b’diżabilita’ biex ikun iktar faċli għalihom li jitgħallmu fi klassijiet virtwali, u l-importanza ta’ djalogu bejn l-istakeholders kollha f’dan is-settur ferm importanti.