Futbol Sport

Neuer iġedded il-kuntratt ma’ Bayern Munich

(Ritratt: EPA)

Manuel Neuer temm l-ispekulazzjoni dwar il-futur tiegħu hekk kif iffirma kuntratt ma’ Bayern Munich sal-2023. Il-gowlkiper kien irrappurtat li seta’ jħalli liċ-champions Ġermaniżi iżda Sky fil-Ġermanja saħqu li l-Ġermaniż ried jibqa’ ma’ Bayern Munich.

Id-deċiżjoni tista’ tittieħed bħala sorpriża minħabba l-akkwist imminenti ta’ Alexander Nubel. Iż-żagħżugħ se jingħaqad ma’ Bayern Munich fi tmiem il-kuntratt tiegħu ma’ Schalke. Minħabba s-sospensjoni tal-kampjonat kawża tal-Covid-19, in-negozjati kienu aktar diffiċli milli mistenni, iżda wara li l-kampjonat Ġermaniż tkompla fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, Neuer iffirma kuntratt ta’ sentejn.

F’kummenti lis-sit uffiċjali tal-klabb, Neuer qal li ma riedx jieħu deċiżjoni għaliex ħadd ma kien jaf meta u kif kien se jkompli l-Bundesliga. “Kien importanti għaliha li nkompli naħdem mal-kowċ tal-gowlkipers tagħna Toni Tapalovic. Issa li ġiet solvuta, inħares lejn il-futur b’ottimiżmu kbir. Inħossni komdu u f’dari fil-Bavarja. FC Bayern hu wieħed mill-aqwa klabbs fl-Ewropa,” qal il-gowlkiper ta’ 34 sena.

Neuer ingħaqad ma’ Bayern Munich fis-sajf tal-2011 u minn dakinhar rebaħ seba’ darbiet il-Bundesliga, ħames darbiet id-DFB Pokal, iċ-Champions League bħala parti mit-tripletta fl-2013 kif ukoll it-Tazza tad-Dinja mal-Ġermanja.