Lokali Parlament

Proposta mill-PN biex is-sekwestri ma jmissux flus tal-ħaddiema

Kevin Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar qal fil-parlament li l-emenda fl-Abozz ta’ Liġi li jemenda l-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili qed tipproteġi l-pagi li jirċievu l-ħaddiema f’dan il-perjodu tal-COVID 19.

Jekk ma ssirx din l-emenda hemm ir-riskju li fejn hemm sidien li jkollhom sekwestri, il-flus tal-għajnuna jmorru għand il-persuni li għadu jagħti flok għand il-ħaddiema. Hu qal li din l-emenda mressqa mill-PN turi l-kooperazzjoni li qed juri l-PN.

Id-deputat Nazzjonalista qal li din l-emenda qed tiffoka wkoll fuq il-futur meta tgħaddi l-pandemija COVID 19 u ppropona li l-liġi tas-sekwetri tkun analizzata biex ikun assigurat li din tkun tipprovi li s-sekwestri jsiru bla ma jinqabdu flus ta’ terzi persuni.

Kevin Cutajar qal li l-PN qed joffri l-id tal-kollaborazzjoni iżda tibqa l-effiċjenza, in-nuqqas ta’ kjarezza fil-messaġġi mill-awtoritajiet u l-ispirtu kollaborattiv fi ħdan il-gvern. Dwar l-effiċjenza hu qal li kien jistenna li l-gvern ma jwassalx sitwazzjoni għal dik tal-istħarriġ li ssar mill-Assoċjazzjoni Għawdxija tal-Oepraturi Turistiċi fejn irriżulta li 71% tal-operaturi jinsabu magħluqa u 35% irrapportaw li s’issa ma rċevew l-ebda flus mill-għajnuna tal-gvern.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li 50% tan-negozji Għawdxin ġej mit-turiżmu; il-mutur ewlieni tal-ekonomija Għawdxija hu t-turiżmu għaliex ma kienx hemm diversifikazzjoni.

Dwar l-importanza tal-kjarezza fil-messaġġ tal-awtoritajiet, Kevin Cutajar qal li s-sitwazzjoni ta’ tensjoni bejn Cris Fearne u Robert Abela għadha tirrenja għaliex l-awtoritajiet tas-saħħa u l-Prim Ministru m’humiex jaqblu fil-pożizzjonijiet tagħhom. Hu qla li pajjiżi oħra għamlu pjan iżda l-gvern Malti m’għandux pjan kif u meta se jinfetħu l-istabbilmenti.

Id-deputat Nazzjonalista qal li jekk in-numru huma allarmanti allura jridu jittieħdu l-aħajr deċiżjonijiet; bħalissa ahwn sitwazzjoni ta’ konfużjoni bil-konsegwenza li qed jitgerfxu n-nies. Hu kompla l-persuni neqsin mid-dawl m’humiex jingħataw gwida dwar il-miżuri li jridu jieħu fosthom dwar kif tinżamm id-distanza.

Kevin Cutajar appella lill-gvern biex jilleġiżla dwar il-forza maġġuri biex in-nies vulnerabbli jkunu protetti f’sitwazzjoni bħal dik tal-COVID 19. Hu semma’ l-kuntratti tal-kera fejn hemm tħassib kbir fost il-professjoni legali minħabba li hemm kirjiet ta’ ħwienet u stabbilmenti li minħabba nuqqas ta’ dħul, is-sidien ma jistgħux iħallsu l-kirijiet minħabba li m’għandhomx dħul. Pajjiżi barranin illeġiżlaw għal dawn is-sitwazzjonijiet biex il-perjodu jitwal iżda l-kirjiet ma jkunux xolti.

Hu appella biex il-ġustizzja terġa’ tiffunzjona għaliex il-ġustizzja bħalissa hi wieqfa u għalhekk id-demokrazija mhix tiffunzjona tajjeb. Għalhekk għandhom jintużaw il-mezzi virtwali fil-qrati.