Lokali Qorti

Protest fil-Qorti kontra l-Awtorità tal-Ippjanar minn seba’ għaqdiet fuq l-eks lukanda Jerma f’Marsaskala

Seba’ għaqdiet ippreżentaw protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) talli mplimentat proċedura ta’ konsultazzjoni mtappna bl-irregolaritajiet, liema irregolaritajiet ħassru l-validità legali tal-proċess inkwistjoni fir-rigward tad-Development Brief għas-sit li qabel kien okkupat minn dik li kienet il-lukanda Jerma Palace f’Marsaskala.

Is-sena l-oħra, il-PA għamlet eżerċizzju ta’ konsultazzjoni sabiex jiġi mħejji Development Brief għas-sit li qabel kien jospita l-Jerma Palace Hotel. Il-Pjan Lokali jispeċifika u jimmarka l-limiti taż-żona li għandha tkun soġġetta għad-Development Brief, u ż-żona hija wkoll iddemarkata fi tliet mapep.

Madankollu għal raġunijiet li taf hi biss fl-eżerċizzju tad-Development Brief, l-Awtorità tal-Ippjanar iddeċidiet li tinkludi aktar żoni minn dawk delineati fil-Pjan Lokali.

Il-PA żiedet żona ekoloġika li għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku u fejn mhija permessa l-ebda żieda fl-għoli jew fil-volum tal-bini. L-Awtorità tal-Ippjanar inkludiet ukoll sit ta’ patrimonju storiku fil-limiti taż-żona li taqa’ taħt id-Development Brief. Il-protest ġie ffirmat mill-Avukat Claire Bonello.

Dan meta diġà hemm policy eżistenti li tapplika għal dan is-sit. Barra minn hekk, il-PA b’mod arbitrarju għall-aħħar speċifikat żona ta’ 100,000 metru kwadru li għandha tiġi żviluppata fi ħdan is-sit.

Fil-prattika, dan id-Development Brief irregolari jwassal għal proġett ta’ żvilupp massiv li jħalli impatt negattiv fuq l-infrastruttura ta’ Marsaskala u l-ħajja tar-residenti, mingħajr ebda benefiċċju fit-tul għal-lokalità.

L-għaqdiet saħqu li dan mhuwiex konformi mal-liġijiet u l-policies applikabbli u talbu lill-awtorità biex tiritra l-eżerċizzju difettuż tad-Development Brief.

Il-protest iwissi lill-Awtorità tal-Ippjanar li fin-nuqqas li tittieħed azzjoni fi żmien10 t’ijiem biex tirtira jew tirrevoka l-azzjoni tagħha l-għaqdiet jirriservaw id-dritt li jieħdu l-passi kollha opportuni u skont il-liġi sabiex jitħarsu d-drittijiet tagħhom, filwaqt li jzommu lill-PA responsabbli għall-konsegwenzi kollha fuq l-aġir tagħha.

L-għaqdiet li ppreżentaw il-protest ġudizzjarju huma: Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Green House, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Ramblers Association of Malta u The Archaeological Society of Malta. Il-protest ġie ffirmat mill-Avukat Claire Bonello.