Lokali Mużika

10 snin wara d-debutt ta’ Danica Muscat fuq ‘Io Canto’

“Kont ċerta li ser jiġu memorji sbieħ”. Hekk sostnie Danica Muscat, il-kantanta Maltija li proprju 10 snin ilu kienet ipparteċipat fil-programm tal-kant ‘Io Canto’ fuq l-istazzjon televiżiv Taljan Canale 5.

Ta’ 15-il sena, Muscat saħqet li kienet l-għalliema tal-kant tagħha Rita Signorino li dak iż-żmien ħeġġietha biex tagħmel l-ewwel pass wara li l-istess Rita stiednet talent scout bil-għan li jtella’ ‘l xi ħadd Malti. Ix-xorti messet lil Danica, u telgħet quddiem id-direttur rinomat Robert Cenci bla ma taf Taljan xejn, kantat “My Heart Will Go On” u “In Assenza di Te” u ftit wara ġiet offruta kuntratt li ma setgħetx tirrifjuta.

Issa, 10 snin wara, Danica rċeviet messaġġ fuq Facebook mingħand missier Giada, waħda mill-parteċipanti tal-ewwel edizzjoni fejn xtaq li jerġgħu jirrekordjaw is-sigla ta’ “Io Canto” issa li għandhom anniversarju ta’ deċenju. Ma tantx damet taħsibha u tistqarr li “għidlu iva, għaliex wara għaxar snin mingħajr ma niltaqgħu, kont ċerta li ħa jiġu lura ħafna memorji sbieħ! U hekk ġara, u li kieku tafu kemm inbdilna.”

Bla dubju minn dak iż-żmien ‘l hawn ħajjet Danica inbidlet xi ftit jew wisq ukoll f’dawn l-aħħar għaxar snin, għax kellha tifel li semmiet Roen li kantat kanzunetta dwaru fil-Malta Eurovision Song Contest.

Ma ninsewx ukoll, li hija l-għalliema vokali t’Eliana Gomez Blanco li f’Novembru li għadda rrapreżentat ‘l Malta fil-Junior Eurovision Song Contest li seħħ ġewwa l-Polonja.