Futbol Sport

12-IL SENA ILU: Manchester United Champions tal-Ewropa għat-tielet darba

21 TA’ MEJJU 2008

Manchester United saru Champions tal-Ewropa għat-tielet darba fl-istorja tagħhom. Fil-finali li ntlagħbet fil-Luzhniki Stadium f’Moska, ir-Red Devils għelbu lil Chelsea wara 14-il penalty minħabba li l-logħba ntemmet 1-1.

It-tim ta’ Sir Alex Ferguson mar fil-vantaġġ wara 26 minuta bi kross mil-lemin ta’ Wes Brown isib lil CRISTIANO RONALDO li għola b’mod perfett u b’daqqa ta’ ras preċiża ħalla lil Petr Cech iħares. Chelsea ġabu d-draw eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima. Xutt mid-distanza ta’ Michael Essien ġie mxellef, bil-ballun jispiċċa quddiem FRANK LAMPARD li għeleb lil Edwin van der Sar.

Fil-75 minuta, Didier Drogba laqat il-lasta u fl-ewwel minuti tal-ħin barrani kien Lampard li reġa’ laqat il-lasta. Il-logħba kellha tkun deċiża bl-għoti tal-penalties. Wara li Carlos Tevez u Michael Carrick skorjaw għal United filwaqt li Michael Ballack u Juliano Belletti skorjaw għal Chelsea, Cristiano Ronaldo falla l-penalty għal Manchester United.

Frank Lampard poġġa lil Chelsea fil-vantaġġ, Hargreaves skorja għal Man United, Ashley Cole skorja għal Chelsea u Nani sab ix-xibka għal Man United. Il-captain John Terry kien imissu jagħti l-penalty deċiżiv iżda żelaq u xeħet barra. Wara li skorjaw Anderson, Salomon Kalou u Ryan Giggs, il-penalty ta’ Nicholas Anelka ġie salvat minn van der Sar biex b’hekk Chelsea fallew milli jsiru Champions tal-Ewropa għall-ewwel darba.