Futbol Sport

22 SENA ILU: L-FA Trophy tidħol f’Raħal Ġdid wara 16-il sena

(Ritratt: In-Nazzjon)

21 TA’ MEJJU 1998

Hibernians irnexxielhom jirbħu l-FA Trophy għall-ewwel darba wara nuqqas ta’ 16-il sena meta b’wirja tattika u ta’ determinazzjoni għelbu lil Valletta 2-1 fil-finali. Dan ir-riżultat ċaħħad lil Valletta milli jsiru l-ewwel tim li jirbaħ il-kompetizzjoni erba’ darbiet konsekuttivi.

Wara li fl-ewwel taqsima Gilbert Agius laqat il-mimduda u Joe Zarb kellu gowl imħassar għal offside, Hibernians fetħu l-iskor fl-ewwel minuta tat-tieni taqsima. CHARLIE SCERRI ħa vantaġġ minn indeċiżjoni bejn Reggie Cini u Darren Debono u skorja b’xutt minn tarf il-kaxxa.

(Ritratt: In-Nazzjon)
(Ritratt: In-Nazzjon)

Dan il-gowl għolla l-moral ta’ Hibernians u għalkemm bdew joperaw bil-kontrattakk, irnexxielhom jirduppjaw fl-64 minuta. Minn azzjoni bejn Scerri, David Carabott u DARREN ATTARD kien tal-aħħar li xeħet f’xibka vojta wara li Cini kien megħlub mill-kross fil-baxx ta’ Carabott.

Is-sostitut IVAN WOODS ħalla lil Valletta jittamaw fis-86 minuta. Fl-aħħar minuti, Reggie Cini tela’ jgħin lil sħabu u Carabott għal ftit ma għamilx l-iskor 3-1 b’xutt li għadda jħakkek mal-lasta. Il-logħba kienet ikkontrollata minn Joe Attard.

(Ritratt: In-Nazzjon)
(Ritratt: In-Nazzjon)