Futbol Sport

48 SENA ILU: Sliema jirbħu l-20 kampjonat f’decider kontra Floriana

21 TA’ MEJJU 1972

Għat-tieni staġun konsekuttiv il-kampjonat kellu jkun deċiż b’decider. Fiż-żewġ okkażjonijiet lagħbu Sliema Wanderers u fiż-żewġ logħbiet ħarġu rebbieħa. Fl-1971 rebħu kontra Marsa u bħal-lum 48 sena ilu għelbu lil Floriana f’logħba missielta. Fil-kampjonat, Sliema Wanderers u Floriana t-tnejn spiċċaw b’26 punt, żewġ punti aktar minn Valletta. Minn 18-il logħba kisbu 10 rebħiet, sitt draws u żewġ telfiet. Iż-żewġ timijiet sofrew seba’ gowls, b’Sliema skorjaw 28 gowl kontra s-17-il gowl ta’ Floriana.

Il-logħba kellha żvolta wara disa’ minuti meta r-referee J. Desira keċċa lil Charlie Galea wara daħla kerha fuq Ronnie Cocks. F’dan l-episodju, mhux biss kien hemm battibekki bejn iż-żewġ plejers iżda daħlu aktar plejers.

Il-gowl skorjat minn Ronnie Cocks

Fis-sitt minuta tal-ħin barrani wasal il-gowl importanti. Passaġġ ta’ Vella minn fuq ix-xellug sab lil RONNIE COCKS f’qagħda ideali u b’xutt minn barra l-kaxxa ma tax ċans lil Mario Cortis. Erba’ minuti wara s-Slimiżi għalqu l-logħba. Id-difiża Furjaniża nqabdet fuq sieq waħda. Hugh Caruana ħadem l-azzjoni tal-gowl, qabeż difensur u qabbeż għan-nofs lejn RICHARD AQUILINA li xxuttja u għeleb lil Cortis li kien ħareġ jagħlaq l-angolu.

“Fit-tmiem tal-partita, il-partitarji Slimiżi qabżu fil-pitch sabiex jiċċelebraw ir-rebħa. Huma nġabru quddiem il-mejda tal-premjazzjoni. Floriana forsi sabiex jevitaw l-argumenti, żammew lura, kważi fil-penalty-area tal-Floriana Side. Dr. Gius Mifsud Bonnici, President tal-Kunsill tal-Malta Football Association, ippreżenta t-Tazza tal-Kampjonat lil Joe Aquilina, il-captain tal-Wanderers.

Il-President qabad il-Miniature Cup minn fuq il-mejda u mexa biha lejn it-team Furjaniż. Lolly Borg, il-coach, laħqu f’nofs triq, u l-President ippreżenta t-Tazza. Kien ġest sportiv mill-isbaħ tal-President. Hekk kif il-Greens kienu mexjin lejn id-dressing room, Lolly Borg għolla t-Tazza u l-partitarji kissruha bid-daqqiet ta’ sieq,” kien miktub fil-ġurnal In-Nazzjon Tagħna l-għada tal-logħba.