Lokali Qorti

Albaniż talab li jkun protett għax ried jikxef li tagħmir ta’ skavar intuża ftit ħin qabel ma ġġarfet id-dar li qatlet lil Miriam Pace

Ħaddiem Albaniż ried jiżvela li ftit tal-ħin qabel ma ġġarfet id-dar li spiċċat biex inqatlet Miriam Pace, omm ta’ żewġt itfal li spiċċat mirduma taħt it-terrapien tad-dar tagħha, l-persuna li kien qed jiskava dar fuqu u qallu, “ara ma jfettillekx titkellem, għax tiffaċċa problemi kbar.”

Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront tal-Perit Anthony Mangion ta’ 72 sena mill-Gżira, il-Perit Roderick Camilleri ta’ 36 sena mir-Rabat, il-kuntrattur Ludvic Dimech ta’ 36 sena minn Ħaż-Żebbuġ u l-ħaddiem Nicholas Spiteri ta’ 42 sena mill-Imqabba akkużati li b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkawżaw il-qtil ta’ Miriam Pace, li kkaġunaw ħsara fuq proprjetà privata tagħha u ta’ ħaddieħor u ta’ ħsara fuq karozzi fost akkużi oħra.

L-Ispettur Robert Vella, wieħed mill-kandidati għall-post ta’ Kummissarju tal-Pulizija li mexxa u għadu jmexxi l-investigazzjonijiet dwar il-każ qal li waqt l-investigazzjonijiet, wieħed mill-ħaddiema Erbios Hysa qal li kien lest jgħid il-verità dwar l-inċident bil-patt li jkun protett.

Dan qal lill-Pulizija wkoll li l-inġenju li wassal biex iġġarfet id-dar ta’ Pace kien tmexxa ‘l bogħod miż-żona fejn kien qed isir ix-xogħol ftit ħin wara li waqgħet id-dar biex tinħeba l-evidenza.

Skont l-Ispettur Vella, dan qed jisħaq li wieħed mill-akkużati li kien qed iħaddem il-hydraulic excavator, Nicholas Spiteri qallu biex iżomm ħalqu magħluq dwar dak li seħħ verament inkella se jidħol fi problemi kbar.

Biex isostni l-argumenti tiegħu l-Ispettur Vella wera ritratti li juru l-makkinarju, li kien għadu ġdid, li tressaq għan-naħa l-oħra tas-sit, metri ‘l bogħod minn fejn waqgħet id-dar.

Mir-ritratti jindika li filmati tas-CCTV, juru l-excavator jintuża biswit id-dar ta’ Pace, 22 sekonda biss qabel waqa’ l-bini. Fil-Qorti ħareġ ukoll li minn fuq il-makkinarju ġew elevati biċċiet biż-żebgħa mix-showroom quddiem id-dar ta’ Pace, vetturi li kienu fl-istess showroom u anke żebgħa mill-kuritur tad-dar tal-familja.

Mistoqsi mill-Avukat tad-Difiża, Arthur Azzopardi, l-Ispettur Robert Vella qal li skont l-evidenza, il-‘hammer head’ tal-makkinkarju kien għadu ġdid u twaħħal dakinhar stess filgħodu.

Il-Maġistrat Joe Mifsud laqa’ t-talba tal-prosekuzzjoni biex ikun eżaminat il-mowbajl tal-akkużat Spiteri, li allegatament hedded lill-Albaniż kollega tiegħu, biex ikun stabbilit x’kommunikazzjoni saret kemm qabel u anke wara l-inċident. Il-kumpilazzjoni tkompli nhar it-Tnejn.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Robert Vella u Matthew Galea filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela qegħdin jidhru għall-Periti, l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri għal Spiteri filwaqt li l-Avukati

Michael Sciriha, Roberto Montalto, Lucio Sciriha u Franco Galea għal Dimech. Il-familja Pace hija rappreżentata mill-Avukati Joe Giglio u David Bonello filwaqt li l-Avukat Stefano Filletti qed jidher għall-ġirien.