Lokali

Anzjana bi ġrieħi serji wara li ttajret minn vann fil-Ħamrun

Anzjana mill-Ħamrun kellha tittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei wara li ġiet imtajra minn vann.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10.45am fi Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun stess, meta għal xi raġuni l-vittma ta’ 71 sena spiċċat ntlaqtet minn vann tat-tip LDV Maxus misjuq minn Sirjan ta’ 21 sena minn Ħal Qormi.

Fuq il-post ġie msejjaħ minnufih tim mediku tal-ambulanzi li ħadu lill-Ħamruniża għal aktar kura.

Aktar tard hija ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ natura serja.

Il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farruġia ġie infurmat bl-inċident u minn naħa tiegħu ordna li ssir inkjesta filwaqt li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin