Internazzjonali

COVID-19: Iċ-Ċina tirribatti l-akkużi ta’ Trump dwar ‘il-qtil tal-massa’

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fiċ-Ċina insista li l-pajjiż għamel li jista’ biex jipproteġi l-ħajja waqt il-pandemija tal-Covid-19 – bl-Istat komunista jiċħad kategorikament għall-akkużi tal-President Amerikan Donald Trump li ‘ir-reġim ta’ Beijing irid jitqies ħati ta’ qtil tal-massa fiċ-ċirkustanzi’.

It-tensjoni bejn iċ-Ċina u l-Istati Uniti ilha tiela mindu l-coronavirus (Covid-19) feġġ għall-ewwel darba fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan qabel infirex u u ħalla l-mijiet tal-eluf tal-mejtin, minbarra straġi sħiħa fl-ekonomija globali.

Fl-aħħar ġimgħat, Donald Trump ma tilifx opportunità biex jattakka lil Beijing fost akkużi li ċ-Ċina pruvat taħbi l-ewwel fażi kruċjali tal-pandemija.

Iċ-Ċina dejjem insistiet li pruvat minn kollox biex tikkontrolla l-virus qattiel u li wasslet l-informazzjoni dovuta lill-awtoritajiet konċernati. Ir-reġim f’Beijing qed jgħid li ‘mgħandu xejn x’jaħbi’ u l-kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, Zhao Lijian, qal li ‘iċ-Ċina persistiet fit-triq tal-verità waqt li uriet dejjem aġir trasparenti, fost il-ħidma biex tipproteġi s-saħħa tan-nies’.

Iżda ċ-Ċina għadha mira ta’ kritika għall-mod kif wieġbet għall-coronavirus fl-ewwel ġimgħat. Fan meta l-Gvern Amerikan qed jallega li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) kienet ‘kompliċi fil-ħabi tan-nuqqasijiet ta’ Beijing’.

Filwaqt li l-Covid-19 baqa’ jinfirex lejn lejn kull rokna tad-dinja, il-Gvernijiet tal-Istati Uniti u l-Awstralja sejħu għal investigazzjoni tal-oriġini tal-virus. Dan waqt li l-mexxejja Amerikani komplew jinsistu bit-teorija li l-Covid-19, fil-fatt, ‘ħareġ minn laboratorju ta’ sigurtà massima fiċ-Ċina.’

Sadanittant, iċ-Ċina qed tgħid, issa, li tappoġġja evalwazzjoni komprensiva tar-reazzjoni globali għall-pandemija, ladarba l-Covid-19 jinġieb taħt kontroll.

Fl-aħħar sigħat, fiċ-Ċina, bdew sensiela ta’ laqgħat politiċi tal-ogħla livell fejn, illum, spikkat minuta silenzju għall-vittmi tal-pandemija. Il-mejtin mill-coronavirus fiċ-Ċina qabżu l-4,600 iżda d-diversi sorsi qed jgħidu li l-vera ċifra tal-imwiet f’dan il-pajjiż hu ferm ogħla minn dan.

Is-sessjonijiet tal-Konferenza Politika tal-Poplu Ċiniż (entità konsultattiva li fil-parti kbira taqdi rwol ċerimonjali) kienu ġew posposta b’xahrejn minħabba l-Covid-19. Intant, fis-sigħat li jmiss, f’Beijing, għandu jsir l-aktar kungress leġislattiv importanti bħala parti mill-avveniment.

Il-President Ċiniż, Xi Jinping u l-bqija tal-Politburo (l-entità tat-tmexxija ewlenija tal-Partit Komunista) se jkunu protagonisti f’dan il-kungress li jinvolvi eluf ta’ delegati li jiddiskutu l-aspetti ta’ politika fost il-laqgħat intensivi.