Internazzjonali

Covid-19: L-esperti fl-Ewropa allarmati dwar ‘il-bajjiet mimlijin’

L-Uffiċjali u esperti tas-saħħa fin-naħa ta’ fuq tal-Ewropa huma allarmati dwar ‘il-mewġa tal-folol’ li qegħdin imorru fuq il-bajjiet wara li naqsu l-lockdowns f’numru ta’ pajjiżi li, bħalissa, għaddejjin minn perjodu ta’ sħana.

Tlett ibliet fil-majjistral ta’ Franza f’nofs il-ġimgħa għalqu l-bajjiet minħabba ‘in-nuqqas inaċċettabbli tan-nies biex josservaw ir-regoli għal distanza soċjali’.

Dan waqt li l-muniċipalitajiet fl-Olanda ħeġġew biex it-turisti mill-Ġermanja jibqgħu ‘il bogħod u ma jaqsmux il-fruntiera minħabba l-potenzjal ta’ ‘spike’ fl-infezzjonijiet bil-Covid-19.

Fl-Ingilterra, il-kunsill lokali f’Southend qed jikkunsidra li jieħu ‘azzjoni’ wara li folla kbira ta’ nies marru fl-inħawi ‘biex igawdu x-xemx’.

L-ammont – fuq bażi globali – ta’ każi konfermati tal-Covid-19 issa qabeż il-ħames miljun. Dan meta l-aktar pajjiżi Ewropej b’rata qawwija ta’ vittmi mill-infezzjoni huma r-Renju Unit, l-Italja, Franza, Spanja u l-Belġju.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) wissiet li ‘fadlilna x’naqdfu sakemm naraw l-aħħar tal-pandemija’. Intant, l-aktar appell li spikka mill-WHO kien biex ir-residenti f’pajjiżi li qed inaqqsu r-restrizzjonijiet għall-Covid-19 ikomplu ‘jirregolarizzaw l-aġir’ biex inaqqsu l-infezzjonijiet ġodda.

L-awtoritajiet fi Franza, jiem ilu, kienu reġgħu fetħu mijiet ta’ bajjiet għal min xtaq imur jiġri, jgħum u jistad – iżda mhux għal dawk li xtaqu jmorru għall-picnics jew biex joqgħodu f’post wieħed waqt li jgawdu x-xemx. Issa, ġie deċiż li jingħalqu l-bajjiet f’diversi muniċipalitajiet fir-reġjun ta’ Brittany wara li n-nies li marru hemm ma ġabux ruħhom sew waqt li injoraw is-social distancing.

Sadanittant, in-nies fl-Ingilterra qed ikunu avżati biex ma jivvjaġġawx lejn Wales, l-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq, fejn il-pubbliku għadu josserva direttivi biex jevita kull tip ta’ ivvjaġġar mhux essenzjali.

Fl-istess ħin, il-Ministri tat-Turiżmu tal-Unjoni Ewropea qablu biex ‘jagħmlu li jistgħu ħalli tirpilja l-industrija tat-turiżmu ( għall-Ewropa)’. Hemm il-pjani – elenkati mill-Kummissjoni Ewropea – li l-fruntieri interni tal-Unjoni għandhom jitwarrbu, ftit ftit, dejjem skont il-prevalenza tal-Covid-19 fil-pajjiżi partikulari.