Kunsilli Lokali Lokali

Il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid inkwetat dwar il-Monti

Il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid jinsab imħasseb ferm dwar kif il-monti fir-raħal “jista’ qatt jopera b’mod korrett” u jirrifletti l-protokolli ppublikati. Dan intqal fi stqarrija b’reazzjoni għall-protokoll imħabbar mill-Ministeru għall-Ekonomija dwar l-operati tas-Swieq fil-Beraħ.

Ġie spjegat li l-ispazju li fih jarma is-Suq f’Raħal Ġdid jagħmilha tassew diffiċli sabiex in-nies iżżomm id-distanza mitluba mill-protokoll ippublikat. Filwaqt li l-Kunsill jifhem li ż-żmien ta’ bħalissa mhux żmien normali, għalhekk itenni kif dan is-suq m’għandux jopera b’mod normali.

Il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid wera l-inkwiet tiegħu wkoll għas-saħħa tar-residenti li djarhom jinsabu eżatt biswit l-ispazju dedikat għas-suq. Dan minħabba l-fatt li dan is-suq dejjem jattira lejh folol li nemmnu li diffiċli jkunu kontrollati.

Il-membri tal-Kunsill Lokali Paola appellaw lill-Awtoritajiet konċernati sabiex jagħtu konsiderazzjoni għall-ħsibijiet tal-Kunsill.