Coronavirus Futbol Sport

Il-Kunsill tal-MFA ser jiltaqa’ nhar it-Tnejn fejn mistenni jittieħed vot dwar il-verdett finali tal-kampjonati lokali

(Ritratt : Mfa.com)

F’laqgħa tal-Eżekuttiv tal-MFA llejla, ġie deċiż li nhar it-Tnejn fl-4.30 pm se jiltaqa’ l-Kunsill tal-MFA fejn mistenni jittieħed vot dwar il-verdetti finali tal-kampjonati taghħa.

Nhar it-Tnejn li għadda, l-Eżekuttiv tal-MFA ddeċieda li jittermina l-Kampjonat Bov Premeir u l-FA Trophy wara li l-kompetizzjonijiet kollha tal-futbol ġew mwaqqfa b’effett immedjat fid-29 ta’ April. L-MFA diġa ddeċidiet dwar il-klabbs li se jikkompetu fil-kompetizzjonijiet Ewropej, b’ Floriana jikkwalifikaw għall-UEFA Champions League u Valletta, Hibernians u Sirens se jikkompetu fil-UEFA Europa League.

Fil-preżent Floriana jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika b’41 punt, tliet punti fuq Valletta. Fin-naħa t’isfel tal-klassifika nsibu lil Tarxien Rainbows li kienu matematikament relegati qabel ma twaqqaf il-kampjonat. Fit-13 –il post hemm Senglea Athletic u fit-12 –il post li jfisser play-off kontra t-tim li jtemm fit-tielet post fl-Ewwel Diviżjoni hemm Santa Lucia.