Lokali Saħħa

Il-MAM u l-UĦM – “It-tieni mewġa tinsab magħna”

Jitolbu lill-Gvern jipposponi l-illaxkar tal-miżuri bi ħmistax

“It-tieni mewġa tinsab magħna, u jeħtieġ tittieħed azzjoni immedjata u effettiva”. Hekk tgħid stqarrija li ħarġu fl-aħħar ħin l-Assoċjazzjoni tat-Tobba u l-UĦM Voice of the Workers li tirrpreżenta għadd ta’ ħaddiema li jaħdmu fuq quddiem fil-qasam tas-saħħa.

L-organizzazzjonijiet appellaw lill-Gvern biex jipposponu l-mizuri, li kellhom jidħlu fis-seħħ minn għada, b’perjodu ta’ ġimgħatejn, sabiex ix-xejra taż-żieda fil-każi titreġġa lura. Huma saħqu li azzjoni immedjata hija meħtieġa biex tiġi kkontrollata t-tieni mewġa tal-virus, li jista’ jkollha konsegwenzi koroh fuq is-saħħa tal-poplu Malti kollu u speċjalment dik tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa kif ukoll fuq l-ekonomija.

L-istqarrija tgħid li l-MAM u l-UĦM jinnutaw iż-żieda fil-każi ta’ Covid-19 f’pajjiżna, u li bl-aħħar żieda ta’ 15-il każ ieħor, jidher ċar li t-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet issa qegħda magħna. Hu għalhekk, kompliet l-istqarrija, li jeħtieġ li s-sitwazzjoni tiġi ndirizzata immedjatament u b’mod effettiv.

Bin-numru tal-każi ġodda qabdu xejra li jiżdiedu b’mod konsistenti, Malta qed jirriskja li jispiċċa bl-agħar ċifri fost id-destinazzjonijiet turistiċi u fil-Mediterran. Huma qalu li 15-il każ f’Malta huwa l-ekwivalenti ta’ 2,000 każ fl-Italja, fejn fiir-realtà kien hemm 600.

Biex din ix-xejra titreġġa’ lura, il-MAM u l-UĦM appellaw lill-prtijiet kollha sabiex jiżdiedu l-isforzi għal aktar dixxiplina, aktar informazzjoni u ż-żamma ta’ distanzi soċjali kif ukoll miżuri ta’ iġjene.