Internazzjonali

Indja-Bangladesh: Imwiet u straġi miċ-Ċiklun Amphan

L-awtoritajiet fl-Indja u Bangladesh qed jagħmlu l-kalkoli ta’ wieħed mill-aktar ċikluni devastanti li laqat it-territorji tagħhom fl-aħħar snin. Dan meta l-maltemp faqa’ il-belt Indjana ta’ Calcutta bl-għargħar, fost qerda ta’ siġar u infrastruttura.  L-elementi, sadanittant, ħallew qrib il-100 mejtin fit-territorji l-milquta – biċ-ċifra tal-vittmi mistennija titla.

Ċiklun Amphan qed jissemma bħala l-aktar ċiklun qawwi li straxxna t-territorji tal-Indja u Bangladesh f’dawn l-aħħar 20 sena.

L-aħħar rapporti qalu li numru ta’ djar f’Bangladesh tqaċċtu u nqerdu fost l-irwiefen taċ-ċiklun, bl-ilma tal-għargħar iġorr numru sinifikanti ta’ karozzi.

L-awtoritajiet żvelaw ukoll li l-irwiefen – b’veloċità ta’ 165 kilometru fis-siegħa – qaċċtu kwantità ta’ arbli tal-elettriku, bit-transformers litteralment jisplodu minħabba l-elementi.

L-uffiċjali f’Bangladesh, intant,  kienu qed jistennew ir-rapporti mis-Sunderbans – iddikjarat mill-UNESCO bħala sit tal-patrimonju dinji u  li hu famuż għal speċi ta’ tigri partikulari li hi sinonima mal-inħawi.  Dan meta l-ispeċi Bengal Tiger tinsab f’periklu li tinqered mid-dinja, bir-rapporti jgħidu li s-sit inkwistjoni ġarrab l-agħar impatt taċ-ċiklun.

‘Il fuq minn tliet miljuni kienu evakwati mill-villaġġi ta’ madwar il-kosta u l-inizjattiva qed tidher li, ftit jew wisq, evitat iċ-ċifri tal-mewt assoċjati ma’ maltempati simili fil-passat.

Anki fl-Indja saru l-evakwazzjonijiet tal-massa meta ċ-ċiklun kien qed javviċina dan il-pajjiż mill-Bajja ta’ Bengal. Fl-aħħar sigħat ‘il fuq minn 300,000 resident ħarġu mir-reġjuni ta’ Odisha u l-Punent ta’ Bengal li, fl-aħħar sigħat, kellhom iġarrbu l-qilla tal-maltemp.

Sadanittant, miljuni ta’ nies fl-Indja u Bangladesh spiċċaw mingħajr provvista tad-dawl, b’kaġun tal-maltemp kontinwu minn ‘Amphan’.