Futbol Sport

Josef Mansueto u Demis Paul Scerri jħallu lil Gudja United u Tarxien Rainbows rispettivament

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Josef Mansueto ħabbar li se jkun qed iħalli lil Gudja United wara sentejn jokkupa l-kariga ta’ kowċ. Demis Paul Scerri min naħa tiegħu kien ilu sa min Novembru li għadda bħala kowċ ta’ Tarxien Rainbows.

Mansueto kellu esperjenza pożittiva ma’ Gudja fejn wara li kiseb il-promozzjoni għall-Kampjonat Premier, hu kellu staġun ferm pożittiv fejn sakemm twaqqaf l-kampjonat, Gudja kienu fil-11 –il post fil-klassifika punti daqs Sliema Wanderers. F’messaġġ fuq il-midja soċjali hu kiteb li f’dawn is-sentejn kiseb ħafna ma’ Gudja filwaqt li rringrazzja lil kull min kien involut f’dan il-perjodu.

Hu ħabbar li se jkun qiegħed jkompli l-missjoni tiegħu fil-futbol billi jgħin lil żgħażagħ jiżviluppaw it-talenti tagħhom. Qabel mal-esperjenza tiegħu ma’ Gudja hu kellu wkoll esperjenza ma’ Qormi bħala kowċ, kif ukoll ma Hibernians u Birkirkara bħala kowċ assistent.

Demis Paul Scerri f’messaġġ fuq Facebook kiteb li se jkun qed iħalli lil Tarxien Rainbows wara esperjenza qasira ta’ 5 xhur. Hu ddeskriva l-esperjenza tiegħu bħala waħda diffiċli minkejja li taħt il-gwida tiegħu Tarxien tejjbu l-prestazzjonijiet tagħhom.

Tarxien Rainbows sfaw relegati meta kien baqa’ sitt partiti għal tmeim l-istaġun. Scerri rringrazzja lil kull minn kien involut f’din l-esperjenza qasira tiegħu ma’ Tarxien Rainbows filwaqt li awgura futur mill-isbaħ lit-tim. Qabel ma’ ħa f’idejh it-tmexxija ta’ Tarxien, Scerri kellu wkoll esperjenzi ma’ Qrendi, St. George’s u Marsaskala.