Lokali Parlament

Kull ħaddiem għandu jkollu ħobżu garantit

Toni Bezzina, PN

F’diskors fil-parlamet dwar l-abboz ta’ liġib iex jigi assigurat li l-impjegati ma’ kumpaniji jitħallsu l-pagi dovuti lilhom, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li huwa importanti li kull ħaddiem, kemm jekk professjonist jew ħaddiem tal-id, għandu jkollu ħobżu garantit.

Hu qal li għalkemm dan hu żmien ta’ sfidi kbar għall-pajjiż, pajjiżna jrid jerġa’ jibda jfassal u jibni l-ekonomija tiegħu u għalhekk il-ftuħ mill-ġdid ta’ ċertu attivitajiet ekonomiċi jrid isir bi ħsieb, b’direzzjoni ċara, b’qafas regolatorju b’ saħħtu u b’infurzar ċar però fuq kollox is-saħħa tal-poplu għandha tkun prijorità.

Il-fatt li minn din il-ġimgħa se jibdew jiftħu mill-ġdid ammont ta’ stabbilimenti u negozji, m’għandux ifisser li l-gvern għandu jwaqqaf l-għajnuna li preżentament qed jagħti lil dawn in-negozji.

Hu qal li l-gvern irid iżomm quddiem għajnejh li d-dħul finanzjarju ta’ dawn l-istabbilimenti, speċjalment fl-ewwel ġmgħat tal-ftuħ tagħhom, jaf ma jkunx biżżejjed biex jagħmel tajjeb għal ispejjeż ta’ pagi, materjal, konsum ta’ dawl u ilma, spejjeż relatati ma’ miżuri li jridu jittieħdu biex tkun salvagwardjata s-saħħa tal-klijienti tagħhom u spejjeż oħra.

Għalhekk il-gvern għandu d-dmir li jara li jibqa’ jsostni lil dawn in-negozji biex ma nispiċċawx f’ sitwazzjoni fejn minflok nibdew inqajmu l-ekonomija ta’ pajjiżna fuq saqajha, tkun id-daqqa finali għal dawn in-negozji.

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal wkoll li hemm diversi ħaddiema oħra li ntlaqtu ħażin b’din il-pandemija u sfortunatament ma sabux lill-gvern bħala spalla għalihom. Dawn huma l-professjonisti u l-ħaddiema tagħhom.

Dawn bejniethom iħaddmu madwar 10,000 ħaddiem u sfortunatament tħallew jaqdfu weħidhom f’dan il-mewġ li jinsab fih pajjiżna. Dan wassal biex diversi professjonisti u ħaddiema tagħhom spiċċaw jew bla xogħol jew jaħdmu ġimgħa ta’ tlett ijiem. Għalhekk, il-gvern irid jieħu dawk il-mizuri kollha neċessarji biex isostni lil diversi professjonisti u lill-ħaddiema tagħhom.

Toni Bezzina semma’ wkoll l-inċertezza li għandhom il-ħaddiema tat-trasport pubbliku, kemm fir-rigward tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom waqt il-qadi ta’ dmirijithom kif wkoll in-nuqqas ta’ patrunaġġ speċjalment dak lokali.

Il-fatt li mhux jittiehdu il-prekawzjonijiet kollha neċessarji qed iwassal għal nuqqas ta’ fiduċja mill-Maltin li jużaw dan is-servizz tant importanti għal pajjiżna. Il-PN ilu aktar minn xaharejn jisuġġerixxi diversi miżuri li jistgħu jittieħdu biex kull min juża dan il-mezz ta’ trasport ikun jista’ jagħmel dan b’ moħħu mistrieħ.

Dawn il-miżuri jinkludu ħlas b’tal-linja card, użu ta’ hand sanitizers, żieda fin-numru ta’ vjaġġi u infurzar ta’ social distancing fuq il-vened tal-karozzi tal-linja. Però l-gvern naqas li jdaħħalhom fis-seħħ.

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina rringrazzja lil diversi professjonisti u ħaddiema tas-servizz mediku, korpi dixxiplinati, ħaddiema tat-trasport pubbliku u l-ħaddiema u profesjonisti li jagħtu diversi servizzi essenzjali.

Hu appella lill- gvern biex jirrikonoxxi x-xogħol ta’ dawn l-individwi u għalhekk id-deċiżjonijiet li jittieħdu għandhom ikunu b’ rispett u konsiderazzjon lejn il-ħidma tagħhom u lejn il-poplu tagħna.