Lokali

“Kull miżura li nirrilaxxaw tpoġġina fil-periklu” – Chris Fearne

L-ebda ċertezza li ser jiftħu l-iskejjel f’Settembru

“Kull miżura li nirrilaxxaw tista’ tpoġġi lil dak li jkun f’periklu u jiżdied ir-riskju ta’ tixrid tal-virus”. Dan sostnieh id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt intervista fuq Bay Chats.

Huwa saħaq li l-virus għadu fil-komunità u għaldaqstant is-social distancing għandu jibqa’. Chris Fearne insista li minkejja li ż-żgħażagħ li jittestjaw ħafna minnhom pożittivi joqgħodu d-dar ma jistgħux jaħsbu għalihom infushom biss. Il-Ministru sostna li xorta waħda hawn persuni żgħar fl-età li jista’ jaffetwahom serjament dan il-virus kif ukoll għandhom juru solidarjetà ma’ ħaddieħor b’mod speċjali mal-anzjani u dawk il-persuni li jsofru minn mard kroniku.

Chris Fearne ma jeskludix li pajjiżna jista’ jerġa’ jaqa’ lura fil-progress li l-pajjiż qed jagħmel, bin-nies jerġgħu jibdew jidħlu fl-ITU – dan minħabba li l-virus jista’ jaffettwa lil kulħadd.

Huwa saħaq li qed ngħixu fl-era tal-Covid-19, era li ddeskriva li tista’ ddum ix-xhur jew snin u ankè sostna li minkejja li xi darba jkollna l-vaċċin wieħed irid jara kemm idum l-effett tiegħu.

Meta mistoqsi jekk hux ser jiftħu l-iskejjel f’Settembru huwa saħaq li “ma jafx ser jiġri għada” u insista li rridu noqgħodu attenti li l-pajjiż ma jiżloqx xi żelqa.

Il-Ministru għas-Saħħa insista li jekk il-problemi jfeġġu u ma jkunux antiċipati mhux eskluż li jmorru lura mir-rilaxx tal-miżuri. Huwa insista li ma jistax ikun ninjoraw li l-virus jinsab magħna u ngħixu bħal donnu ma jeżistix.