Lokali

Kumpaniji mqabbla man-nemel

Tikber il-konfuzjoni wara li l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna stqarr l-oppost ta’ dak kollu li qal il-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-jiem ilu.

Waqt intervista li saritlu fil-programm Dissett, il-Ministru Scicluna fetaħ it-tieqa fuq il-possibilità li fil-Gżejjer Maltin ikollna t-tieni mewġa tal-imxija tal-Covid-19 – stqarrija li waslet fl-istess gimgha li fiha Robert Abela prova jiddiehak bil-possibilta’ tas-second wave.

Filwaqt li l-Prim Ministru qed iħeġġeġ lin-nies sabiex imorru l-baħar, tal-inqas żewġ membri ewlenin tal-Kabinett tiegħu huma tal-fehma li kulħadd għandu jibqa’ kawt.

Anke l-Professur Charmaine Gauci qed tinsisti li “il-virus għadu magħna”

Din il-gimgha, ikkummenta wkoll il-Virologu Chris Barbara illi spjega li dan huwa żmien tad-dixxiplina u mhux tar-rilassament ….filwaqt li diversi tobba qed jappellaw lill-pazjenti sabiex joqgħodu kemm jistgħu ġewwa għaliex is-sitwazzjoni tista’ taħrab minn idejna f’ħakka t’għajn.

Intant, hekk kif f’inqas minn 24 siegħa oħra ser ikunu jistgħu jiftħu l-bibien tagħhom numru ta’ stabbiliment tas-sbuħija, stilisti tax-xagħar, pixxini fuq barra, każini u ristoranti – bosta negozjanti saħqu li jinsabu inkwetati b’numru ta’ affarijiet …mhux b’inqas bil-piż tal-kirjiet. Madanakollu, fuq ix-Xandir Nazzjonali il-Ministru Edward Scicluna qabbel lill-kumpaniji man-nemel, u sostna li l-ħajja hija logħoba snakes and ladders.

Sa issa din il-pandemija diga’ halliet effetti kbar fuq pajjizna, bil-Ministru stess jammetti li se nispiccaw f’deficit eċċessiv.