Internazzjonali

L-aħħar żviluppi fil-kriżi tal-Covid-19

Fir-Renju Unit, bħalissa, għaddejjin il-provi ta’ żewġ mediċini għal kontra l-malarja fost it-tamiet li dawn jistgħu jipprovdu difiża għal kontra l-infezzjonijiet bil-Covid-19, Ħarġu, intant, it-twissijiet li r-Renju Unit qed jispiċċalu ż-żmien biex iwaqqaf sistema għal ‘tracking and tracing’ ta’ persuni li jispiċċaw infettati bil-coronavirus. Nhar l-Erbgħa mietu 338 oħra bil-coronavirus fir-Renju Unit, bit-total tal-vittmi fil-pajjiż, issa, jaqbeż is-36,000.

L-Iskozja għandha tiftaħ mill-ġdid l-iskejjel kollha mill-11 ta’ Awwisu, skont il-konferma tal-Ewwel Ministru Skoċċiż, Nicola Sturgeon.

L-Amerikani li, illum, qegħdin jitolbu l-benefiċċji tax-xogħol żdiedu għal 38.6 miljuni – jiġifieri qrib il-25 fil-mija tal-ħaddiema fl-Istati Uniti.

Fl-Afrika t’Isfel mietet tarbija ta’ jumejn bil-coronavirus – b’din tkun waħda mill-iżgħar vittmi tal-Covid-19 fid-dinja kemm ilhom jinfirxu l-infezzjonijiet.

Il-grupp karitatevoli Medecins Sans Frontieres qed iwissi dwar ‘katastrofi potenzjali’ fil-Jemen – b’mod partikulari fiċ-ċentru għat-trattament tal-pazjenti morda bil-Covid-19 f’Aden. Minkejja li n-numru ta’ infezzjonijiet fil-pajjiż ma jihdrux kbar, hemm biża’ li l-każi huma ferm ogħla miċ-ċifra rappurtata u li fil-jiem li ġejjin kapaċi jkunu hemm ‘splużjoni ta’ imwiet’ fl-aktar pajjiż fqir fil-peniżola Għarbija.

Il-koordinatur tal-ħidma kontra l-coronavirus fi Sqallija (fl-Italja) u disa’ uffiċjali oħra tas-saħħa spiċċaw arrestati fuq suspett li kienu involuti f’tixħim relatat għall-kuntratti għal tagħmir u servizzi.

L-eks Prim Ministru tal-Awstralja, Kevin Rudd, ma jemminx li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għandha tinvestiga l-mod kif hi irreaġiet għall-pandemija. Dan meta l-WHO – bħala l-aġenzija tas-saħħa tan-Nazzjonijiet Uniti – qed tiffaċċja kritika u allegazzjonijiet li ma ħaditx azzjoni malajr biżżejjed biex trażżan il-Covid-19.