Impenn għas-Saħħa Kunsilli Lokali Lokali Proposti Saħħa

L-għaqdiet u l-assoċjazzjonijiet sportivi għandhom bżonn aktar għajnuna

Matul l-aħħar ġimgħat tul l-imxija tal-COVID 19, l-isport f’pajjiżna prattikament waqaf kollu. L- għaqdiet sportivi tħallew fil-limbu, fejn mal-maġġorparti tal-istess għaqdiet/assoċjazzjonijiet sportivi ma sar l-ebda kuntatt mill-awtoritajiet konċernati. Hekk qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Robert Cutajar flimkien mal-Kelliema Mario Galea u Karl Gouder. 

Robert Cutajar qal li l-inkwiet ta’ dawn l-għaqdiet sportivi jvarja bejn għax id-dħul tagħhom waqaf kompletament kif ukoll għax ma ngħatawx direzzjoni dwar id-diversi possibiltajiet li qed ikunu kkunsidrati f’każ li eventwalment ikun indikat mill-Awtoritajiet tas-Saħħa li jistgħu jerġgħu jibdew jiġu pprattikati xi dixxiplini sportivi.

Huwa qal li hija ħasra li matul l-aħħar xahrejn, minn kemm ilha għaddejja l-imxija tal-virus, l-isport prattikament kollu kien minsi u ma ngħatax l-attenzjoni li tixraqlu. Dan wassal għal inċertezza kbira li kompliet aggravat ruħha mill-fatt li ma sar l-ebda kuntatt mill-awtoritajiet mal-maġġoranza tal- għaqdiet / assoċjazzjonijiet sportivi. Il-Partit Nazzjonalista għalhekk qed jipproponi li :

  • Il-Gvern minnufih jgħin finanzjarjament lil dawn l-għaqdiet mingħajr diskriminazzjoni. Il-Gvern irid jitkellem mal-għaqdiet/assocjazzjonijiet sportivi kollha, jifhem l-impatt li l-pandemija se tħalli fuqhom u jgħin b’mod immedjat biex ma nirriskjawx li numru minnhom jieqfu milli joperaw u joffru servizz.
  • L-awtoritajiet għandhom jisimgħu direttament mingħandhom il-problemi li qed jaffaċċjaw f’laqgħat li jistgħu jservu wkoll bħala gwida għal x’tip ta’ protokolli, skont id-dixxiplina sportiva, għandhom jintużaw ġaladarba l-isport f’pajjiżna jerġa’ jibda ġej lura għan-normal.
  • Il-Gvern għandu jeżenta l-ħlasijiet dovuti lilu relatati ma’ kirjiet  fuq faċilitajiet/propjetajiet jew/u kontijiet tad-dawl u l-ilma.
  • Flus minn skemi jew inizjattivi oħra li l-Gvern jew entitajiet fi ħdanu wiegħdu jew għandhom commitment fuqhom ma’ għaqdiet sportivi għandhom jiġu mgħoddija minnufih lill-istess għaqdiet/assoċjazzjonijiet jew klabbs.
  • L-għaqdiet/assoċjazzjonijiet/klabbs għandhom jiġu eżentati minn ħlasijiet ta’ miżati/affiljazzjoni għas-sena 2021 dovuti lil Sport Malta.

 Mario Galea qal li diversi esperti qed ibassru li l-pandemija se żżid il-problemi ta’ saħħa mentali, fosthom żieda fl-ansjeta’, l-istress, dipressjoni u suwiċidju. Staff mediku li qedghin fuq quddiem jiġġieldu l-pandemija min-naħa l-oħra se jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali fosthom Post Traumatic Stress Disorder.

Diversi esperti qed isostnu li dawn il-fontliners bħal tobba u infermieri se jkollhom l-istess effetti mentali bħalma jkollhom suldati li jirritornaw mill-gwerra. Huwa qal li hu fatt xjentifikament ippruvat li wara eżercizzju u sport anki sempliċement mixja l-moħħ jirrilaxxa kimika li tgħinek tħossok ferm aħjar psikoloġikament u mentalment.

L-eżerċizzju jgħin fil-konċentrazzjoni, fl-irqad, u jnaqqas ir-riskju ta’ attakk tal-qalb, dijabete u pressjoni għolja u huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa kura għad-dipressjoni, l-ansjeta’ u l-istress u għalhekk għandna bżonn aktar spazji miftuħa, postijiet fejn nimxu ‘l bogħod mit-traffiku u fejn nistgħu nżommu social distancing.Mario Galea qal li dan ‘l hekk imsejjaħ tnusami ta’ problemi mentali ġej fuqna żgur u mhux forsi u għandna għażla li jew inħejju ruħna għalih jew inħalluh jiġi fuqna u jaħsadna.

Huwa qal li mil-lum il-Gvern irrid jibda jieħu passi biex meta dan it-tsunami ta’ problemi mentali tiġi fuqna ssibna organizzati, ppreparati u atrezzati. Karl Gouder li l-kunsilli lokali għandhom ikunu l-pont bejn organizzazzjonijiet li jagħtu servizzi lil persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali u l-istess persuni għax m’hemm ħadd li jaf min huma n-nies li jeħieġu din l-għajnuna iktar mill-kunsillieri li jgħixu fil-komunitajiet rispettivi.

Huwa qal li hemm bżonn li jsir ħafna iktar u wieħed mill-modi li dan jista’ jsir huwa billi jittieħdu inizzjattivi fil-komunita’ permezz tal-kunsilli lokali. Bla dubju li mod ċar kif niġġieldu problemi ta’ saħħa mentali huwa bl-isport u l-eżerċizzju fiżiku, u għandna nużaw dan iż-żmien biex ninvestu u nħejju programmi ta’ eżerċizzju fiżiku u sportiv. Għad fadal ħafna grawnds u postijiet pubbliċi bħal dawk tal-iskejjel li mhux qed jintużaw għal ħinijiet fit-tul u allura l-kunsilli lokali għandhom jidħlu fi ftehim mal-Gvern u sidien tal-grawnds biex ikunu jistgħu jintużaw għal-hinijiet iktar fit tul. Karl Gouder qal li l-Gvern għandu jagħti fondi speċjali lill-kunsilli lokali biex jinvestu jew jirranġaw walking trails fil-lokalitajiet tagħhom u jiġu identifikati iktar spazji miftuħa għar-rikreazzjoni f’kollaborazzjoni mar-reġjuni.

Il-kunsilli lokali, anke issa bil-liġi l-ġdida tal-kunsilli lokali, għandhom ikunu stakeholders ewlenin flimkien mal-iskejjel tal-lokalita’ fejn tidħol stil ta’ ħajja sana u l-ġlieda kontra l-obeżita’. Bħalissa qegħdin jittieħdu inizjattivi minn kunsilli lokali differenti li jipprovdu taħriġ fiżiku onlajn u dan għandu jiżdied u l-Gvern għandu jżid il-fondi lill-kunsilli biex dan ikun jista’ jsir madwar il-pajjiż kollu.

Huwa qal li hemm bżonn ukoll aktar attivitajiet anke onlajn tal-arti u kultura, għax huma wkoll għodda b’sahħħithom fil-ġlieda kontra l-problemi tas-saħħa mentali. Din il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport tul Ħajjitna, l-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Robert Cutajar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Sahha Mentali, Ħarsien tal-Persuni b’Mod Sħiħ, Kura fil-Komunità, Dimensja, l-Ġlieda Kontra d-Diabete, u Drittijiet tal-Annimali Mario Galea u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Gvern Lokali u l-Komunitajiet Karl Gouder.